Filwaqt li qed joqrob iżjed l-istaġun tas-sajf, diversi pajjiżi popolari mat-turisti fl-Ewropa diġà qed jistennew mewġa ġdida ta’ protesti mir-residenti lokali.
Fost l-oħrajn, fil-Canary Islands, li għal għexieren ta’ snin kienu popolari mal-Britanniċi, qed terġa’ tqum ir-rabja biex, jekk jista’ jkun ħadd ma jersaq ’l hemm.
Fil-gżira ta’ Tenerife, diversi dimostranti kissru diversi twieqi ta’ karozzi tal-kiri quddiem resort li hi magħrufa mat-turisti fl-aħħar jiem.
Fuq in-naħa l-oħra, fil-Greċja, protesti marru pass oltre fejn mal-ħitan tal-kapitali Ateni sprejjaw il-kliem “Tourist go Home”.
Dawn il-protesti qed ikomplu jinkwetaw mhux ftit lill-Britanniċi, u, kif għamlet id-Daily Mail, anke l-midja lokali qed tħeġġeġ biex, flok, imorru f’dawn il-postijiet jagħżlu li jżuru lil Malta.
Id-Daily Mail kellha messaġġ ċar u skjett għall-qarrejja tagħha – “taħlix flusek f’dawn il-pajjiżi, li mhux jilqgħu lit-turisti, imma minflok morru Malta!” – fejn ukoll iddeskrivew lil pajjżina bħala ġenna żgħira.
L-artiklu tal-gazzetta prominenti wkoll jesplora għadd ta’ postijiet fejn espona s-sbuħija ta’ pajjiżna, fosthom, il-Belt Valletta, Tas-Sliema u San Pawl il-Baħar, filwaqt li jissemmew ir-rabtiet kbar li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi.
Saret ukoll intervista ma’ sid ta’ pub tipiku Ingliż u oħra ma’ Ingliż, li ilu jgħix fostna għal dawn l-aħħar għaxar snin, li wkoll komplew mal-mod kif jintlaqgħu t-turisti f’pajjiżna, differenti minn pajjiżi oħrajn.
Żewġ Britanniċi oħrajn qabblu l-vaganzi f’Malta ma’ esperjenza li kellhom fl-Italja fejn qalu li ntlaqgħu b’arroganza u atteġġjament goff, bil-maqlub ta’ kif ġew ittrattati mill-Maltin.
L-artiklu jinnota wkoll kif, matul is-sena li għaddiet, rekord ta’ tliet miljuni u nofs turisti, inkluż dawk mis-suq Britanniku, żaru lil pajjiżna.