Waqt li l-kumpanija Enemalta ċaħdet allegazzjonijiet irrapportati fit-Times l-Erbgħa fejn ingħad li rrifjutat tgħaddi informazzjoni skont talba lil ġurnalisti tagħha, skont l-Att tal-Informazzjoni Ħielsa, il-Partit Laburista kkundanna lill-Partit Nazzjonalista li kien mgħaġġel jirkeb fuq l-istess gideb biex jikseb punti politiċi.
L-Enemalta rreferiet għar-rapport fit-Times, fejn ingħad li ġiet imċaħħda minn kopja tal-kuntratt tal-impjant tal-enerġija, billi qalet li hi fl-ebda mument ma rrifjutat li tgħaddi l-informazzjoni, anzi talbet għal kjarifika lill-istess gazzetta dwar liema perjodu kienet qed tirreferi peress li ma ngħatat l-ebda indikazzjoni u dan biex tkun tista’ twieġeb b’mod preċiż u effiċjenti, mingħajr ħela ta’ riżorsi.
B’hekk, l-Enemalta tkun tistieden lit-Times biex f’data u ħin maqbulin tkun tista’ tmur direttament tarahom.
Fuq din l-allegazzjoni infondata rikeb il-Partit Nazzjonalista li, pront u bla ma qies anke l-konsegwenzi, bħas-soltu għaffiġha u ħareġ jikkundanna.
Għal tali attitudni rreaġixxa wkoll il-Partit Laburista, li nnota kif l-hekk imsejħa tattika tal-Partit ta’ Bernard Grech ilna narawha żmien, tant li anke konferenza tal-aħbarjiet għamel fuq aħbarjiet foloz, biex imbagħad waqa’ fil-muta meta l-fatti giddbuh.
Anke wara l-ispjega tal-Enemalta, il-Kelliem ta’ Bernard Grech ħareġ stqarrija giddieba u l-Partit Laburista qal li dan jikkonferma kemm il-PN m’għandu ebda pjan għas-settur tal-enerġija, ħlief stqarrijiet ta’ malajr jew proposti nofs kedda, biex, imbagħad, jispiċċa jaħbihom għax jikxfu x’tassew jemmen.
Il-Partit Laburista nnota li ewlenin fost dawn kien hemm dik li jilliberalizza s-suq tal-enerġija b’riżultat li jispiċċa jgħolli l-kontijiet tad-dawl għall-familji u n-negozji. Dan b’differenza minn Gvern Laburista, li refa’ hu l-piż tal-inflazzjoni fis-settur tal-enerġija biex il-poplu baqa’ b’kontijiet stabbli.
Minbarra hekk ingħad li Gvern Laburista kontinwament jitkellem b’wiċċu bil-quddiem dwar il-pjani tiegħu fis-settur biex imbagħad jimplimentahom.
L-istqarrija temmet tgħid li min jaħbi l-informazzjoni hu dak li ilu snin jikser il-liġi u jinjora estensjoni wara oħra biex ma jippubblikax il-kontijiet finanzjarji awditjati tiegħu.