Il-portal interattiv ta’ Heritage Malta, Tales of Kottonera, ġie mogħni bi tliet żidiet ġodda li huma; storja grafika, sensiela ta’ heritage trails, u karattru ieħor. Dawn żdiedu ma’ dawk li diġà hemm biex idawru lill-viżitaturi mat-Tlett Ibliet u l-Kalkara.
Il-portal, li ġie varat f’Ottubru tas-sena li għaddiet u li ġie żviluppat b’kollaborazzjoni ma’ Marketlink Ltd, jipprovdi mezz innovattiv kif il-pubbliku jesplora l-istorja u l-kultura tar-reġjun tal-Kottonera. B’kontenut imfassal għal diversi etajiet u udjenzi, il-portal hu minjiera ta’ riżorsi, fatti storiċi, rakkonti inqas magħrufa, u kurżitajiet interessanti dwar dawn l-inħawi ikoniċi.

Tales of Kottonera hu proġett immaniġġat minn Heritage Malta Publishing, bħala t-taqsima fi ħdan l-aġenzija li hija responsabbli mir-riżorsi didattiċi, fejn kemm l-istorja grafika kif ukoll il-heritage trails ġew ikkonċeputi u prodotti mill-istess taqsima. L-istorja grafika li għadha kemm ġiet miżjuda, bl-isem The Cursed Thief, tista’ tinqara wkoll f’verżjoni stampata u hija l-ewwel waħda fis-sensiela ġdida Chilling Tales of Malta and Gozo, maħruġa minn Heritage Malta permezz tat-taqsima talpubblikazzjoni fi ħdanha.
Din l-istorja ġrat fl-1837, meta seħħet serqa sagrilega mill-Knisja ta’ Santa Tereża f’Bormla. Pawlu Galea, mill-Birgu, kien daħal fil-knisja, żgassa t-tabernaklu u seraq pissidi mimli ostji kkonsagrati, liema pissidi nstabu wara tfittxija intensiva fl-inħawi. Fil-post fejn instab, fil-Birgu, il-patrijiet Karmelitani Skalzi bnew kappella ċkejkna u l-post għadu sal-lum magħruf bħala ‘Fejn Sabu s-Sinjur’.
Il-heritage trails – waħda kull wieħed għal Bormla, il-Birgu, l-Isla u l-Kalkara, jieħdu lill-viżitaturi għal vjaġġ ta’ 21 waqfa f’kull waħda minn dawn l-ibliet. Huma u mexjin virtwalment, il-viżitaturi jitgħallmu dwar l-istorja tal-post filwaqt li jingħataw sfidi divertenti u jintalbu jiskennjaw QR codes biex jiskopru saħansitra aktar ġrajjiet dwar il-Kottonera. Kull heritage trail hi maħsuba biex tagħti togħma tal-wirt kulturali għani tal-Kottonera u b’hekk tħajjar lill-viżitaturi virtwali jesperjenzaw il-post b’mod fiżiku u aktar komplut.
Il-karattru l-ġdid li ġie miżjud hu dak ta’ Filomena, li ngħaqdet ma’ Salvu u Bertu fil-portal, fejn maż-żmien, il-portal se jkollu b’kollox sitt karattri animati li kull wieħed minnhom jirrakkonta l-istejjer tal-Kottonera mill-perspettiva partikolari tiegħu.
Waqt li dawn it-tliet żidiet ġodda tħabbru f’avveniment li għalih ġew mistiedna studenti mill-Kulleġġ De La Salle kif ukoll rappreżentanti ta’ kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi tal-Kottonera, bl-attività ssir fil-Knisja ta’ Santa Tereża stess, il-pissidi misruq u l-bieba żgassata tat-tabernaklu, li għadhom preservati mill-patrijiet, inħarġu wkoll għall-wiri waqt l-avveniment., bl-istudenti wara jmorru fejn instabu.