Il-Box Office Mondjali għal din is-sena ħabbret li Spider Man: No Way Home rebaħ il-ġlieda għall-unur tal-Aqwa Film b’valur ta’ iktar minn biljun dollaru.
Dan huwa film immirat għaż-żgħażagħ fejn laħaq l-aspettativi tan-nies dwar is-suġġett tal-Multiverse.
Tliet films Ċiniżi qed jiddominaw ukoll f’din is-sena fejn jikkonfermaw li s-suq Asjatiku sar aktar importanti fl-industrija tal-films fejn it-territorju huwa kbir.
ONE News tkellem ma’ Mario Azzopardi, kritiku tal-films li esprima s-sorpriża li kritiċi tal-films bħalu ħadu hekk kif fi ħdax-il ġurnata biss Spiderman għamel daqshekk suċċess.
Azzopardi qal, “L-akbar waħda ċertament hija dik li sal-ħmistax ta’ Diċembru kulħadd kien qed ibassar li film ċiniż jismu The Battle at Lake Changjin dwar episodju fil-gwerra tal-Korea kien se jkun il-film numru wieħed għat-tieni sena konsekuttiva jkun film ċiniż li jkollu l-akbar dħul għaliex anka fl-2020 kien film ċiniż li kellu l-aktar dħul imma imbgħad fil-15 ta’ Diċembru ħareġ Spider man NO Way Home u dan fi ħdax il-ġurnata daħħal aktar minn biljun dollaru, fenomenu.”
Tenna wkoll kif kien hemm diversi diżappunti din is-sena fejn films ma ingħatawx daqsekk importanza mill-pubbliku.
Huwa qal, “Naturalment hemm id-diżappunti għaliex nigħduha kif inhi id-Disney li ssoltu tiddomina l-Box Office tal-aħħar tas-sena, din is-sena kull ma kellhom mal-aqwa għaxra huma tnejn biss illi huma Shang-Chi and the Legend Of the Ten Rings u Eternals”
Waqt din l-intervista Azzopardi semma l-film grandjuż ‘No Time To Die’ ta’ James Bond li jinsab fir-raba’ post tal-klassifika fejn i-ssoltu jmur tajjeb ħafna però din is-sena ħareġ fi żmien daqsxejn kruċjali u għalhekk ma kienx daqshekk ta’ suċċess.
Spjega wkoll li minħabba l-pandemija ħafna kumpaniji tal-films qegħdin joħorġu l-films tagħhom fuq pjattaforma diġitali bħal Netflix bħal pereżemju l-film Red Notice b’valur ta’ mija u sittin miljun.
Qal li s-sena dieħla ħa joħorġu diversi films kbar li kulħadd qed jistenna bħal Avatar 2, bijografija fuq Elvis Presley u Whitney Housten u Mission Impossible 7 ta’ Tom Cruise.
Azzopardi stqarr, “Hemm tista’ tgħid blockbuster kważi kull xahar, naturalment hemm dawk li jispikkaw, hemm the Batman illi ħafna qed jistennew li joħroġ u jkun film kbir, hemm Dr Strange and Multiverse of Madness. Hemm għalina l-Maltin b’mod partikolari jinteressana ħafna Jurassic World u Minions pereżempju. ”