Is-sena 2018 kienet waħda li fiha s-supereroj iddominaw ix-xena ċinematografika. Dan hekk kif bħalissa huwa dan il-ġeneru ta’ films li l-iktar qed ikunu mfittxija.
Il-kritiku tal-films Mario Azzopardi saħaq li dawn it-tip ta’ films huma l-iktar li qed idaħħlu flus bl-iktar film popolari madwar id-dinja din is-sena kien “Avengers: Infinity War”. Dan filwaqt li f’pajjiżna huwa l-ħames l-iktar film li mar tajjeb.
Azzopardi qal li “Dan huwa film illi qabeż id-dħul taż-żewġ biljun dollaru. Hija t-tielet darba li għandna film li qabeż dan l-ammont. Kellek l-ewwel darba ‘Titanic’, imbgħad kellek ‘Avatar’, ‘Avatar’ għadu l-iktar film illi daħħal flus. Issa għandek it-tielet wieħed, ‘Avengers: Infinity War’.”
Mario Azzoprdi saħaq li f’pajjiżna għamel suċċess kbir il-film ‘Bohemian Rhapsody’ li għamel seba’ ġimgħat fil-quċċata tal-box office lokali. Dan għaliex huwa appella għal ħafna nies propju għaliex kien film li jirrakkonta l-istorja tal-karriera mużikali tal-kantant leġġendarju “Freddie Mercury.” Huwa saħaq li f’pajjiżna din is-sena marru tajjeb ħafna l-films mużikali hekk kif ‘Mamma Mia, Here we go again’u ‘The Greatest Showman” it-tnejn marru tajjeb ukoll f’pajjiżna.
Qal li “Dis-sena kellna films illi biex ngħid hekk huma, fihom ħafna mużika illi intlaqgħu tajjeb ħafna biss jekk inti tara l-klassifika ta’ Malta, orrajt aħna għandna pereżempju Johnny English illi mar tajjeb ħafna. Minn l-att ta’ box office tad-dinja ma tantx mar tajjeb għax aħna hawn Malta nħobbu dawn it-tip ta’ films komiċi imma jiġifieri tista’ tqis illi bejn wieħed u ieħor il-klassifika jixbħu ħafna l-xulxin.”
Azzopardi saħaq li s-sena d-dieħla ser joħorġu bosta films li mistennija minn ħafna. Filwaqt li kemm il-film il-ġdid ta’ Star Wars u Captain Marvel it-tnejn mistennija jintlaqgħu tajjeb l-iktar li jidhru li se jkunu interessanti huma l-films li huma mibnija fuq stejjer li kienu ħarġu qabel f’films animati. Dawn huma Dumbo, The Lion King u Aladdin.
Azzopardi spjega kif “Dawn huma kollha, tlett films illi meta kienu films animati dejjem kienu popolarissimi. Issa ħa narawhom verżjoni ġdida b’atturi u annimali vera.”