Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kkonferma li lbieraħ, għall-ħabta tal-11:30 ħin lokali, l-ajruport ġiet infurmata mill-Malta Air Traffic Services li ntlaqgħet talba mill-ekwipaġġ tat-titjira tat-Turkish Airlines, operata minn Istanbul lejn Marrakesh, li l-ajruplan jiġi devjat lejn Malta minħabba raġunijiet mediċi.
It-timijiet tal-Ajruport informaw lill-awtoritajiet relevanti, inkluż l-isptar Mater Dei u t-tim tal-Immigrazzjoni, b’mod immedjat, skont il-proċedura stabbilita. Hawnhekk saru l-arranġamenti speċifiċi għall-inżul tal-passiġġier minn fuq l-ajruplan, inkluż il-ftuħ ta’ bieb wieħed biss tal-ajruplan, l-użu ta’ taraġ wieħed, u l-preżenza ta’ tim tal-Forzi Armati ta’ Malta fuq il-post.
L-ajruplan niżel f’Malta f’12:03, filwaqt li l-vetturi ta’ emerġenza li ntbagħtu mill-isptar Mater Dei waslu fuq il-post ftit tal-ħin wara. Il-Pulizija tal-Immigrazzjoni avviċinat l-ajruplan mit-taraġ imqiegħed fuq in-naħa ta’ quddiem tal-ajruplan, fejn kienu stazzjonati il-membri tal-AFM.
Ftit tal-ħin wara li l-ambulanza telqet lejn l-isptar, erba’ passiġġieri ntlemħu jiġru miż-żona ta’ parkeġġ tal-ajruplan lejn il-mitjar. Il-passiġġieri maħruba qabżu mill-ajruplan, hekk kif fetħu l-bieb tan-naħa ta’ wara tal-ajruplan mingħajr awtorizzazzjoni, u evadew l-uffiċċjali tal-AFM li kienu stazzjonati ħdejn l-ajruplan.
Biċ-ċentru ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru ġie infurmat immedjatament, u r-runway ingħalqet bħala prekawzjoni. Wara li seħħ dan, ġie ikkonfermat minn filmat miġbud mis-sistema ta’ CCTV li l-erba’ passiġġiera maħruba qabżu l-ilqugħ tal-ħadid li jdawwar il-perimetru.
Il-mitjar infetaħ mill-ġdid fis-13:22, u l-ajruplan ngħata permess jitlaq minn Malta mill-awtoritajiet konċernati fis-14:24. Matul l-inċident, il-proċeduri ta’ koordinazzjoni mal-awtoritatijiet statali kollha ġew segwiti. L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta tibqa’ impenjata li toffri l-appoġġ tagħha lill-awtoritajiet fl-investigazzjoni tagħhom.
B’rabta ma’ dan il-każ, ir-raġel li talab l-assistenza qed jinżamm arrestat, waqt li ġew arrestati tnejn mill-erba’ persuni maħrubin.
AQRA AKTAR: