Numru ta’ filmati li nġibdu minn mobiles fl-attakk li seħħ nhar it-Tnejn li għadda fi Vjenna kkonfermaw li l-aggressur, li spara fuq numru ta’ nies u ħalla erba’ persuni mejta, kien waħdu. Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Intern Awstrijak.
L-Awstrija qed tinvestiga l-14-il persuna ta’ bejn it-18 u t-28 sena li ġew arrestati nhar it-Tlieta b’rabta ma’ dan l-attakk, u li huma suspettati li jappartjenu ma’ għaqda terroristika.
Il-Ministru kompla jgħid illi trid issir investigazzjoni b’rabta ma’ nuqqas t’azzjonijiet li ħadet l-Awstrija, li setgħet evitat dan il-każ. Il-Ministru sostna li s-servizz tal-intelliġenza Slovakka kienet għaddiet informazzjoni li turi li l-aggressur pprova, imma falla milli jixtri munizzjon fl-Islovakkja.
Intant, l-aggressur, żagħżugħ li qatel erba’ persuni u ħalla 22 oħra midruba huwa mwieled u trabba fi Vjenna, huwa kien ipprova jmur is-Sirja sabiex jissieħeb mal-Istat Iżlamiku.