Filmati miġbura mill-esperti tal-qorti minn residenza biswit il-Ferdinand’s Bar fis-Siġġiewi, ftit jiem wara li saru l-arresti tat-tlett akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fil-Marsa, jikkonferma li għall-kuntrarju ta’ dak li ġie allegat minn media barranija – il-Ministru Chris Cardona ma resaqx lejn dan il-ħanut, nhar it-3 ta’ Diċembru jiġifieri lejlet l-arresti tat-tlett akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Ikkonfermaw dan sorsi qrib l-inkjesta maġisterjali b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huma qalu li f’Diċembru li għadda terza persuna kienet avviċinat lill-Magistrat Inkwirenti Anthony Vella u infurmatu bl-allegat laqgħa bejn il-Ministru Cardona u wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – Alfred Degorgio l-‘Fulu’ fl-istess ħanut.
B’din l-allegazzjoni l-Maġistrat Vella dak iż-żmien qabbad lill-esperti tiegħu sabiex immorru fuq il-post u jiġbru filmati minn kameras tas-sigurtà li juru ż-żona. Hemmhekk l-esperti sabu li kien hemm residenza biswit il-ħanut li taqbad sew l-entratura tal-ħanut b’mod ċar.
Is-sorsi komplew jgħidu li fl-istess xahar il-Maġistrat flimkien mal-esperti eżaminaw dawn il-filmati ta’ nhar it-3 ta’ Diċembru, iżda sabu li l-Ministru Cardona ma resaqx lejn dan il-ħanut f’dak il-jum.Minkejja li l-istess filmati nġabru taħt il-kappa tal-inkjesta Maġisterjali, għal xi raġuni dawn baqgħu ma jiffurmawx parti mill-evidenza miġbura f’din l-inkjesta.
Kien f’April li għadda li l-istazzjoni France 2 flimkien mal-Proġett Daphne li ħarġu bl-istess storja dwar is-suppost laqgħa bejn Cardona u l-Fulu.
Sorsi qalu kif il-Pulizija bdiet tinvestiga din l-allegazzjoni u fost l-investigazzjonijiet tagħha marret is-Siġġiewi biex tfittex kameras tas-sigurtà u televa l-filmati bil-għan li tivverifika din l-allegazzjoni.
Kien hawnhekk li l-Pulizija identifikat kamera ta’ sigurta li rrizulta li kienet l-istess li minnha nġabru l-filmati mill-esperti tal-qorti. Filfatt il-Pulizija sabu li dawn il-filmati awtomatikament kienu tħassru mis-sistema minħabba li għadda ż-żmien.
L-istess sorsi qrib l-inkjesta li kienet immexxija minn Anthony Vella qalu li rrizulta li l-filmati miġbura mill-esperti tal-qorti f’ Diċembru li għadda baqaw ma ddahlux fl-inkjesta, u għalhekk possibbilment ġiet imwarrba evidenza li biha l-Pulizija setgħu jifhmu ahjar jekk kienx vera li lejlet l-arresti, il-Ministru Chris Cardona ltaqax mal-Fulu fil-ħanut kif allegat.
Esperti legali qalu ma’ ONE News li skont il-proċedura kull evidenza li tinġabar fl-inkjesta għandha tifforma parti mill-istess inkjesta irrispettivament tiġix ipprovata jew le tali allegazzjoni.
Is-sorsi qrib l-inkjesta maġisterjali qalu kif kien f’Diċembru stess li kemm l-esperti u anke l-Maġistrat Vella diġa kienu kkonfermaw li fil-filmati elevati mill-esperti ma rriżulta xejn minn dak allegat mill-ġurnalisti tal-Propett Daphne u France 2 u li s-Soċjeta Ċivili rikbet fuqhom.