Fil-Qorti ta’ Minneapolis, fejn qed jinstema’ l-ġuri dwar il-qtil ta’ George Floyd, intwerew filmati meħuda minn kamera li kienet imqabbda mal-ħwejjeġ. F’wieħed mill-filmati, waqt l-arrest tiegħu Floyd instema’ jgħid lill-uffiċjal tal-pulizija Derek Chauvin li huwa raġel twajjeb.
Il-filmat juri wkoll lil Chauvin, li jinsab akkużat bil-qtil ta’ Floyd, bi rkopptu fuq għonq il-vittma u dam għal aktar minn disa’ minuti jrossu. Floyd kien talab bil-ħniena lil Chauvin biex ma jkomplix iweġġgħu.
L-Avukati tad-Difiża li qed jidhru għal Derek Chauvin, li huwa mkeċċi mill-korp tal-pulizija, qed jargumentaw illi l-vittma miet kawża ta’ overdose u li kien fi stat ta’ saħħa ħażina qabel ma ġara l-każ. Chauvin qed jiċħad l-akkużi miġjuba kontrih.
Intant, osservaturi li segwew it-tielet jum tal-ġuri qalu illi l-filmati ta’ qabel u waqt l-arrest ta’ Floyd, li ntwerew mill-Prosekuzzjoni fil-qorti, huma tentattiv biex jimminaw l-allegazzjoni li qed tagħmel id-Difiża li d-drogi kienu li wasslu għall-mewt ta’ Floyd.