L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal nieda sensiela ta’ filmati qosra bil-għan li joħolqu għarfien akbar dwar is-saħħa mentali fost it-tfal u l-adoloxxenti.
Dawn il-filmati ntwerew waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar il-Ġimgħa filgħodu u huma intiżi li jgħinu mhux biss lit-tfal, iżda anke lill-ġenituri, biex jifhmu aħjar minn dak li jkunu għaddejjin uliedhom.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju għat-Tfal Antoinette Vassallo tkellmet dwar l-importanza ta’ relazzjoni b’saħħitha bejn il-ġenituri u l-ulied ħalli jkun hemm komunikazzjoni reċiproka, li tgħin lit-tfal ikunu komdi jaqsmu dak li għaddejjin minnu.
Fil-fatt, Sue Garcia, maniġer fi ħdan l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, spjegat li dawn il-filmati se jintwerew fl-iskejjel Primarji u Sekondarji tal-Istat u dawk indipendenti.
B’hekk dawn il-filmati se jservu ta’ mezz addizzjonali ieħor f’lezzjonijiet marbutin mal-iżvilupp personali u soċjali tat-tfal u l-adoloxxenti.
“Aħna għamilna tliet vidjows flimkien ma’ attivitajiet u riżorsi oħrajn, bħala tool kit għall-edukaturi biex noħolqu iktar għarfien fost it-tfal dwar is-saħħa mentali u nħeġġuhom jitkellmu dwar l-emozzjonijiet tagħhom u l-affarijiet li jkunu għaddejjin minnhom ħalli jekk ikollhom bżonn is-sapport u l-għajnuna mingħand il-ġenituri jew adulti oħrajn, ikunu jistgħu jfittxuha.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li dawn il-filmati huma mod ċar ta’ kif nistgħu nwasslu messaġġ li jinftiehem mit-tfal u li jgħin wkoll lill-ġenituri jkunu viċin aktar t’uliedhom, għax b’dan il-mod jifhmu aħjar mġieba u attitudni li teħtieġ attenzjoni.
Falzon tkellem dwar il-ħidma Ministerjali fejn kontinwament issir ħidma biex jissaħħu d-drittijiet tat-tfal b’mod ħaj u li verament tinħoloq bidla tanġibbli. Il-Ministru semma l-liġi tal-protezzjoni tat-tfal, li tgħin lil dawk vulnerabbli, bla vuċi u li ħafna drabi jispiċċaw maqbudin f’kontroversji legali.
“Ara l-issue tas-saħħa mentali sfortunatament hi waħda li qed narawha dejjem tolqot aktar nies. Sfortunatament ukoll qed naraw li dejjem qed tolqot persuni ta’ età tenera u hawnhekk qed nipprovaw inwasslu messaġġ, l-ewwel nett inneħħu l-istigma li għad fadal u aktar minn hekk nuru li hemm nies lesti biex jgħinu.”