Transport Malta u l-Kunsill Malti għas-Sigurta’ fit-Toroq nedew kampanja kontra s-sewqan taħt l-effett tax-xorb. Ir-riklam ġdid fuq it-televiżjoni u r-radju isaħħaħ il-kampanja li d-Direttorat għal Promozzjoni għas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard tmexxi kull sena. Din hija fażi ġdida tal-kampanja Rispett fit-Triq li Transport Malta u l-Kunsill Malti għas-Sigurta’ fit-Toroq bdew f’Settembru ta’ din is-sena.
Din il-kampanja ddur madwar storja li għalkemm fittizja fiha ħafna fatti li naraw kuljum. Ir-reklam tat-televiżjoni jurina lil Jason jiċċelebra żmien il-festi mal-kollegi tiegħu filwaqt li tliet membri ta’ familja oħra għaddejjin bil-karozza fuq qadja. L-omm toħroġ filwaqt li l-missier u l-bint baqgħu jistennewha fil-karozza.
Jason jixrob aktar milli jiflaħ imma jiddeċiedi li jsuq xorta waħda. Spiċċa jtajjar lill-omm waqt li qed tirritorna lejn il-karozza.
L-istorja tkompli permezz tar-radju. Nicole, it-tifla, qed tikteb ittra lill-Father Christmas fejn qed titolbu għall-fejqan t’ommha minflok rigal għaliha.
Ħafna postijiet tax-xogħol jiċċelebraw f’dan iż-żmien ta’ festi. Hafna jagħżlu li jixorbu u jsuqu. Permezz ta’ din l-istorja qed infakkru fil-konsegwenzi koroh ta’ sewqan taħt l-effett tax-xorb. Għaldaqstant, Transport Malta u l-Kunsill Malti għas-Sigurta’ fit-Toroq jappellaw lis-sewwieqa biex jekk se jixorbu, ma jsuqux.