Filmat: Joseph Bezzina
Il-maltempata li laqtet il-gżejjer Maltin il-Ħadd waranofsinhar fl-eqqel tas-sajf ġabet magħha żjara mhux tas-soltu fuq il-bajja dehbina tar-Ramla l-Ħamra, f’Għawdex.
Fjamingu qatta’ l-waranofsinhar tal-Ħadd fuq il-bajja tar-Ramla l-Ħamra wara li x’aktarx kien ilu jivvjaġġa għal eluf ta’ kilometri qabel wasal Malta.
F’kemm trodd salib, il-fjamingu spiċċa f’attrazzjoni ewlenija fuq il-bajja li kienet miżgħuda bl-għawwiema minkejja li t-temp ma tantx ippermetta.
Il-fjammingu deher idur fuq ir-ramel ifittex x’jiekol x’aktar ħlejjaq żgħar li dan l-għasfu għandu ħalqu apposta biex jinfiltra dawn il-ħlejjaq. Mhux eskluż li maltempata li laqtet lill-Mediterran f’dawn l-aħħar jiem wasslet lill-fjamingu biex jinqata’ minn ma’ qatgħa oħra ta’ fjammingi fil-Mediterran u waqaf fuq gżiritina biex jistrieħ għal ftit taż-żmien.
Bla dubju l-preżenza ta’ fjamingu fuq il-bajja tar-Ramla l-Ħamra paxxiet l-għajn ta’ bosta li ħadu l-okkażjoni biex jara mill-qrib il-ġmiel ta’ dan l-għasfur li mhux daqshekk komuni għal Malta.
Ritratti: Christina Zerafa