“Ma tistax tisma’ x’qed jiġri f’din id-dinja u ma tagħmel xejn. Hu għalhekk li din is-sena, proprju f’dan iż-żmien li jkollna persentaġġ għoli ta’ ħela, qed inwaqqfu l-kampanja Say No to Wrapping Paper.”
Kien dan il-messaġġ tas-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manchè fejn permezz ta’ filmat, flimkien ma’ għadd ta’ personalitajiet Maltin, biex iwasslu messaġġ dwar kif għandna nieqfu ngeżwru r-rigali bir-wrapping paper – liema karta mhix tajba biex tiġi rriċiklata.
Fil-messaġġ tiegħu hu spjega kif studju li sar jgħid li jinqataw madwar 30 miljun siġra biex tilħaq mad-domanda ta’ wrapping paper użata mill-Amerikani waqt dawn iż-żmien ta’ festi.
Spjega kif peress li l-materjal minn xiex inhi magħmula din il-karta ma jistax jiġi rriċiklat, qed noqtlu ħafna siġar għal prodott li se jintuża darba biss.
Hu appella biex f’dawn il-jiem ta’ festi jingħaqdu f’din il-kampanja u jagħmlu użu minn karta differenti li tista’ tiġi rriċiklata.
Għal min qed jistaqsi lilu nnifsu x’jista’ juża bħala alternattiva, fost oħrajn hemm il-karti tat-tajr, il-gazzetti u kif ukoll brown paper.