Mal-attività fil-kosta Maltija f’dawn ix-xhur tas-Sajf jiżdied ukoll il-bżonn t’ iktar sigurtà hekk kif l-għajtiet għall-għajnuna jiżdiedu wkoll. Permezz tal-ħidma fuq il-bajjiet minn Life Guards u l-Community First Responder, is-Soċjeta’ tas-Salib l-Aħmar qed jagħmlu minn kollox biex fil-waqt li jiġu preventiti l-aċċidenti, meta dawn iseħħu l-pazjent jingħata l-ewwel għajnuna iktar malajr.
Fil-fatt is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar li ilha taħdem sitta u għoxrin sena illum għandha mitejn u għoxrin membru li mija u ħamsin minnhom huma volontarji. Sittin membru tas-Soċjeta’ huma mħarrġin fis-salvataġġ fl-ilma fil-waqt li l-oħrajn għandhom taħriġ mediku. Tul dawn l-aħħar sentejn is-Soċjeta’ tar-Red Cross qiegħda wkoll tħaddem proġett tal-Community First Responder. Tkellimna mad-direttur tal-operazzjonijiet tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar, Robert Brincau li spjegalna iktar x’inhuma r-responsabilitajiet u x-xogħol tal-first responder.