Joe Dimech missier ta’ 70 sena tilef ħajtu traġikament, wara li nqabad f’appartament li nħakem minn nirien kbar kawża ta’ splużjoni ta’ ċilindru tal-gass, fl-appartament tiegħu fl-Imsida.
Kien għall-ħabta tas-7.00am, meta nstemgħet spluzzjoni mir-raba sular ta’ blokka ta’ appartamenti fi Triq Oscar Zammit, ħdejn il-Junior College.
Dak il-ħin fl-appartament kien hemm il-vittma, martu Phyliss ta’ 66 sena u ibnu Carlos ta’ 25 sena. L-omm u t-tifel ġew evakwati mill-appartament. Huma ittieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura. Iż-żgħażugħ sofra ġrieħi gravi kawza tal-ħruq.
Iżda sfortunatament, Joe ma nstabx. Membri tal-Protezzjoni Ċivili waqt li bdew jikkontrollaw in-nirien, bdew ifittxu lir-raġel. Saħansittra, kellha tintuża drone li identifikat fejn instab il-katavru tar-raġel.
Bir-raġel instab mejjet sagħtejn wara, għal ħabta tad-9.00am f’xaft li jinsab fuq in-naħa ta’ wara tal-appartament.
Jirriżulta li r-raġel qabeż minn ġo tieqa żgħira li kien hemm fil-kamra tal-banju, u ġie ġo xaft li huwa dejaq u mudlam.
Saħħansitra, Membri tal-Protezzjoni Ċivili biex joħorġu l-katavru, daħlu minn uffiċini li jinsabu fis-sular t’isfel u ħarġu fix-xaft.
Malli ħarġet l-aħbar li r-raġel instab mejjet, familjari u ġirien infaqgħu f’bikja, li tilfu lil dan il-persuna għażiż għalihom. Fuq il-post saħansittra kien ir-raġel tat-tifla ta’ Joe u n-neputija, li joqgħodu viċin l-appartament.
Johnnie Farrugia, li jiġi r-raġel ta’ oħt il-mara ta’ Joe, viżibilment emozzjonat, iddeskriva lil ħatnu bħala raġel li dejjem jgħin lil kulħadd.
Johnny Farrugia, ir-raġel t’oħt il-mara ta’ Joe qal: “Raġel tal-familja. Iħobb jgħin”.
Huwa kompla billi qal: “Ċemplet oħt il-mara u bdiet tgħidilna” … Li tar il-gas u hemm l-involuti.
Ġirien, bid-dmugħ f’għajnejhom ma setgħux jemmnu din t-traġedja kerha li għaddiet minnha l-familja Dimech fl-għodwa tal-Erbgħa.
Ġara tal-familja Dimech qalet: “Kien raġel sew jgħin lil kulħadd”.
L-ispluzzjoni tant kemm kienet qawwija, li l-appartament spiċċa kollox irmied, u bl-isplużjoni tqaċċtu anki l-aperturi.
Ħabib ta’ Joe li joqgħod viċin r-residenza tal-familja Dimech, iddeskriva l-ħasda li ħa x’ħin instema l-ħoss ta’ spluzzjoni qawwija.
Ħabib ta’ Joe Dimech qal : “Kien raġel orajt ħafna. Jien smajt ħoss boom”.
Huwa kompla billi qal: “Smajt l-ispluzzjoni tlajt niġri għax ħsibta oħti smajt boom kbira”.
Ħabib ieħor ta’ Joe Dimech qal: “Kien raġel orajt ħafna kont nitkellem miegħu fuq football”.
Għal xi ħin fuq il-post kien hemm id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila u l-Ministru tal-Intern u s-sigurtà nazzjonali Michael Farrugia.
B’rabta ma din il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mill-Maġistrat Simone Grech.