One News jista jizvela aktar messaġġi li ġew illikjati minn gruppi tal-Partit Nazzjonalista.
Il-messaġġ li jinsab f’idejn One News, din id-darba ġie illikjat minn grupp ta’ Whats App tal-Partit Nazzjonalista bl-isem “Presidenti u Segretarji tal-Kumitati Sezzjonali.”
F’din iċ-chat ta’ Whats App, il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo beda juri t-tħassib tiegħu li ġiet illikjata informazzjoni lil One News. Miċ-chat bl-isem PN Ċentrali Fundraising, tqaċċtu ’l barra esponenti Nazzjonalisti qrib il-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil fosthom Alex Perici Calscione, li kkontesta fit-tellieqa għall-Kap Nazzjonalista, u li kien teżorier fl-amministrazzjoni ta’ Simon Busuttil. Miċ-chat tqaċċat ukoll Alexander Mangion, attivist nazzjonalist minn Ħ’Attard qrib Simon Busuttil.
Iċ-chat li nistgħu niżvelaw, turi kif waħda mill-esponenti Nazzjonalisti tistaqsi jekk ingħalaqx il-grupp PN Ċentrali Fundraising.
B’Robert Arrigo iwieġeb – “Għalaqtu Iva. Għax xi ħadd mar għand is-super one juri screenshot.”
B’referenza għall-messaġġ li zvelajna s-Sibt, li fih l-viċi kap nazzjonalista David Agius qal lil Robert Arrigo – “Good Move Robert” – talli qaċċat ’il barra lin-nies ta’ Simon Busuttil.
L-inċertezza u n-nuqqas ta’ fiduċja li teżisti fil-Partit Nazzjonalista hija waħda evidenti. Bil-fazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, inkwetat li kull ħaġa li tagħmel, tispiċċa f’idejn il-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista.
Filfatt, fost iktar messaġġi li jista’ jizvela One News mill-istess chat ta’ Whats App tal-Partit Nazzjonalista, kien hemm dak ta’ Charlene Fabri li jidher li ċemplilha xi ħadd mill-Partit, jitlobha xi informazzjoni.
Bi Stefania Pirotta, impjegata fid-Dar Ċentrali, wieġbet lil Charlene u qaltilha – “Nikkonferma li Thomas Di Martino mqabbad minn uffiċċju informazzjoni biex jitlob dik l-informazzjoni.
“Grazzi Ħbieb, better safe than sorry” – wieġbet Charlene Fabri li forsi kienet imbeżża’ li setgħet tat xi informazzjoni lill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Dawn il-messaġġi li jinsabu f’idejn One News, ikomplu jikkonfermaw is-sitwazzjoni miżerabbli li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista. Bil-fazzjoni ta’ Adrian Delia u l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil ma jarawx għajn m’għajn.