Fl-istess jum li tħabbret mira importanti f’dak li għandu x’jaqsam il-proġett massiċċ b’rabta mal-ilma li jitwassal fid-djar tal-familji Maltin, One News kellu l-opportunità li jinżel fil-mini li jinsabu fil-pumping station f’Ta’ Kandja.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano fisser x’inhu l-iskop ta’ din is-sistema.
Ta’ Kandja hija sistema ta’ mini taħt l-art fil-livell tal-baħar jiġifieri hawnhekk qegħdin madwar 100 metru taħt il-livell tal-art fejn tħaffru mini orizzontali biex jaqbdu dik li aħna nsejħulha l-akwifer li hija bużżieqa ta’ ilma ħelu tifflowtja fuq l-ilma baħar u minnha jippruvaw jieħdu l-aħjar parti tal-ilma allura l-parti ta’ fuq tal-lenti.
Huma mini twal, kollha l fuq minn kilometru orizzontali, bl-itwal waħda taqbeż ukoll iż-żewġ kilometri u twassal minn hawnhekk għal qrib l-Imqabba sa ħdejn is-Siġġiewi, qal Manuel Sapiano.
Il-mini jinsabu 30 sular taħt l-art, u domna neżlin b’lift madwar erbgħa minuti.
Biex wieħed jieħu idea, tletin sular huma daqs it-torri ta’ Portomaso u seba’ sulari oħra magħhom.
Is-Sur Sapiano spjega li l-ilma jdum mal-50 sena biex jgħaddi minn ġol-ġebla. Dan filwaqt li jekk ikun hemm kontaminazzjoni fuq l-art, din ma tkunx riflessa l-għada.
Għaldaqstant, isir moniteraġġ kontinwu tal-kwalità tal-ilma biex jekk jinqala’ l-każ, jitqajjem l-allarm mill-ewwel.
Il-pumping station f’Ta’ Kandja wkoll se tibbenefika minn proġett li b’kollox jammonta iktar minn milja u tletin miljun ewro.
“Tindif tal-mini. Dawn saru fis-sittinijiet u hemm bżonn illum ta’ refurbishment tagħhom u wkoll analiżi ta’ kif l-ilma dieħel fil-mini permezz ta’ fratturi. Analiżi tal-fratturi sabiex jiddeterminaw l-imluħa tagħhom u fejn hemm fratturi li forsi huma fondi u l-ilma hu u dieħel u tiela’ jtella’ wkoll ilma mielaħ miegħu, dawn jiġu identifikati u jekk jista’ jkun issiġillat biex l-ilma li qed naraw ikun ilma ta’ kwalità aħjar.
It-tarf l-ieħor tal-mini, li jispiċċaw f’diversi postijiet, fosthom iż-Żurrieq, Wied Costa u Wied il-Kbir, isir l-aċċess għalihom billi jinżlu fihom permezz ta’ gaġġa.
Għaldaqstant ma hemmx il-kumdità ta’ lift kif hemm f’Ta’ Kandja.
Il-proġett li se jsir fuq din il-pumping station se jkun qed jagħti iktar protezzjoni tal-ilma tal-pjan u b’hekk jittejjeb l-ilma li jitla’ minnha.
“B’hekk allura jkun jista’ jikkontribwixxi b’mod iktar pożittiv lejn it-taħlit it-tqassim tal-ilma, il-blend li fl-aħħar mill-aħħar nirċievu d-dar u b’hekk ukoll dan il-proġett ikun qed jikkontribwixxi biex f’sentejn forsi tlieta oħra jkollna wkoll kwalità ta’ ilma aħjar fil-vit li huwa dak l-ilma li aħna nirċievu fid-dar kuljum”.