Fl-aħħar żviluppi poltiċi fil-Partit Nazzjonalista u l-manuvri kbar li għaddejjin minn deputati u ċirku ta’ nies li qegħdin jaħmu pjan biex iqaċċtu lil Adrian Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Filmati esklussivi ta’ ONE News juru li llum waranofsinhar saret laqgħa twila ta’ madwar tliet sigħat u nofs fid-dar tal-eks Ministru u Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Louis Galea fis-Siġġiewi.
F’din il-laqgħa kienu preżenti d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione u l-eks President tal-Eżekuttiv Mark Anthony Sammut, tliet esponenti ewlenin qrib il-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Sorsi qrib one news qalu li t-tliet esponenti daħlu fid-dar ta’ Louis Galea kmieni waranofsinhar u ħarġu mid-dar tiegħu, għall-ħabta tas-sitta u għoxrin tal-lejla kif tistgħu taraw mill-filmati li qegħdin nurukom.
Malli xirfu ‘l barra mid-dar ta’ Louis Galea li sena ilu tqabbad minn Delia biex jirriformalu l-Partit, Karol Aquilina, Perici Calacione u Mark Anthony Sammut dehru maħsuda bil-preżenza ta’ ONE News li prova jieħu l-kummenti tagħhom.
Id-Deputat Karol Aquilina saħansitra prova jiġri lejn il-karozza qabel kien kostrett jikkummenta dwar il-laqgħa li kellu fid-dar ta’ Galea. Mark Anthony sammut ukoll ħarab minn triq oħra biex ma jaffaċċjax il-crew ta’ dan l-istazzjon waqt li Alex Perici Calascione baqa’ isostni li dak li qal fil-laqgħa ma jistax jgħidu fil-pubbliku.