Il-Libjan ta’ 26 sena li tilef ħajtu traġikament f’sit ta’ kostruzzjoni f’Tas-Sliema aktar kmieni t-Tnejn, għamel minn tal-anqas minuta u nofs imdendel bejn ħajja u mewt.
Filmat miġbud minn persuna li kienet fl-inħawi juri kif persuna oħra ppruvat issalva lill-vittma b’ħabel. Raġel ieħor jidher jixxabbat u jitfa’ l-ħabel qrib il-vittma, li min-naħa tiegħu prova jaħtaf il-ħabel biex isalva. Huwa jidher jissara mal-ħabel bit-tama li jilħaq il-quċċata tal-binja.
Iżda, kull tentattiv biex isalva ħajtu falla, hekk kif il-vittma ma kellux aktar saħħa jżomm mal-ħabel, bil-konsegwenza li spiċċa waqa’ għoli ta’ madwar seba’ sulari, b’tim mediku jiċċertifikawh mejjet fuq il-post.
one.com.mt kien l-ewwel fuq il-post, fejn kienet għaddejja ħidma delikata. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, filwaqt li nfetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Francesco Depasquale.
Il-filmat mhux qed jixxandar kollu fuq dan is-sit.
Ara wkoll:
http://www.one.com.mt/2018/11/26/persuna-taqa-minn-gholi-ftas-sliema-11/