Il-belt ta’ Aleppo fis-Sirja se titniżżel fil-lista ta’ bliet li kitbu l-istorja. Storja ta’ waħda minn fost l-ibliet li l-istorja rathom jinqerdu bħalma kien ġara minn Guernica fil-gwerra ċivili fi Spanja.
Fil-każ ta’ Aleppo nqered wirt storiku Musulman li jmur lura sa elf sena.
Mal-wirt storiku nqerdu l-memorji ta’ individiwi u nfirdu għadd ta’ familji. Il-gwerra fis-Sirja ilha għaddejja ħames snin li matulhom aktar minn erba’ miljun u ħames mitt elf Sirjan fittex refuġju f’pajjiżi ġirien.
Huwa fi sfond ta’ diqa, ta’ tifrik li n-nies li għad fadal f’Aleppo u fis-Sirja se jqattgħu l-Milied.
Il-qerda ta’ Aleppo hija simbolu ċar li Bashar al-Assad rebaħ filwaqt li hi daqqa ta’ ħarta għad-dinja tal-Punent. Hija simbolu ta’ falliment tal-istituzzjonijiet internazzjonali li waqt li kienu aljenati f’affarijiet oħra taw daharhom lejn il-karba ta’ Aleppo. Il-karba għall-paċi. Din hi x-xewqa ta’ Khaled Khaled Lawand u Sirjani oħra bħalu.
Ilu għal dawn l-aħħar tlettax-il sena jgħix u jaħdem f’pajjiżna. Il-kuntatt ma’ familjari u ħbieb li għadhom is-Sirja ma nqatax u miegħu jesprimu xewqa waħda – il-waqfien mill-ġlied.
Xewqa ta’ Sirjan li jgħix Malta
“Il-Milied mhux ħa jagħmluh ovvjament. Il-Milied tagħhom hu li jekk tidħol il-paċi hemmhekk, tieqaf il-gwerra. Dik l-iktar ħaġa importanti għalihom. Moħħhom bħalissa fuq ħaġa waħda: dik li jaraw kif iwaqqfu l-gwerra u forsi jerġgħu b’ħajja normali,” stqarr Khaled Khaled Lawand mal-gazzetta Kullħadd.
Lawand stqarr li mhux biss in-nies ta’ Aleppo qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet enormi iżda anke dawk li għadhom fi nħawi oħra tas-Sirja.
“Jien għandi l-familja tiegħi tgħix hemmhekk, mhux Aleppo imma għadha s-Sirja. Jien qiegħed hawn naħdem u minn ħin għall-ieħor nibgħatilhom il-flus. Imma hemm ħafna familji li m’għandhom lil ħadd min jibgħatilhom il-flus jew min jgħinhom. Hemm ħafna nies, ħbieb tiegħi li nafhom u kuġini li għenu lill-familji tagħhom biex joħorġu mill-gwerra. Imma hemm oħrajn ma jaffordjawx.’
Waħda mill-isbaħ bliet fis-Sirja – mekka tal-kummerċ
B’ton ta’ diqa u b’ċertu nostalġija mal-gazzetta Kullħadd Khaled Khaled Lawand rrakkonta kif jiftakar il-belt ta’ Aleppo.
“Il-belt ta’ Aleppo kienet waħda mill-isbaħ bliet fis-Sirja. L-ekonomija tas-Sirja kollha kienet tiddependi minn hemmhekk għax belt tal-fabbriki, kumpaniji, in-negozju fis-Sira kien kollu hemmhekk. L-iktar żona sinjura. Inħares lejha issa u naraha meqruda.
Inħossni ddispjaċut għax Aleppo qisha biċċa minni għax kemm-il darba morna hemmhekk u kelli ħafna ħbieb li jgħixu hemmhekk u sal-lum il-ġurnata nara li nitkellem magħhom. Nara naqra x’inhu għaddej u x’inhuma qed jagħmlu.”
Jgħidulu ħaġa waħda, li s-sitwazzjoni issa kkumplikat sew.
“Għall-bidu l-ġlied kien bejn il-forzi tal-gvern u dawk tar-ribelli. Issa daħlu gruppi oħra bħall-Hezbollah bħar-Russja u t-Turkija. Bħalissa ma tistax tgħid li dak li jkun qed jiġġieled ikun qed jagħmilha biex verament isalva ’l Aleppo,” spjega s-Sirjan.
Id-dinja tat dahra lejn Aleppo
Lawand esprima d-dispjaċir u l-weġgħa tiegħu li quddiem l-atroċitajiet u l-ġlied, l-istituzzjonijiet internazzjonali baqgħu passivi.
“Fil-każ tal-Libja intervjenew pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti u Franza u l-gwerra waqfet. Fis-Sirja ma jistax jiġri hekk għax ir-Russja u ċ-Ċina qed jużaw il-veto biex pajjiżi oħra ma jindaħlux. Ir-Russja għandha interess, miljuni ta’ ewro kull sena involuti u r-Russja qiegħda fuq in-naħa ta’ Bashar al-Assad u b’hekk ħadd ma seta’ jidħol. B’konsegwenza li l-gwerra kibret. Imbagħad daħlu gruppi bħall-ISIS.”
Fil-fatt Franza kellha kundanna ċara lejn ir-Russja tant li nħolqot tensjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Dan hekk kif Franza ressqet riżoluzzjoni li tipproponi waqfien mill-ġlied u no fly zone, xi ħaġa li r-Russja ivvutat kontra. Il-kritika lejn il-mod kif pajjiżi kbar indirizzaw is-sitwazzjoni f’Aleppo kompliet bil-kliem iebes tal-ambaxxatriċi tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Istati Uniti Samantha Power. Fil-konfront tar-Russja, Power ikkundannat il-kriżi umanitarja li fi kliemha r-Russi, l-Iranjani u l-forzi ta’ Bashar al-Assad ħolqu. Intkom responsabbli għall-atroċitajiet. Il-fatt illi ivvutajtu kontra evakwazzjoni tajtu sinjal lir-ribelli biex ikomplu bl-azzjonijiet tagħhom. Xi darba se nsiru nafu x’seħħ verament f’Aleppo. Meta tasal dik il-ġurnata m’għandkom l-ebda skuża li tgħidu li ma kontux tafu. Kulħadd jaf x’qed jiġri u intom involuti.’
Kliem aħrax li ġab ir-reazzjoni tal-Ambaxxatur Russu għan-Nazzjonijiet Magħquda li qabbel lil Power ma’ Madre Tereża. Qal li parti mit-tort ta’ dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani huwa tal-Amerka.
Fi ħsibijietu, niesu fis-Sirja
Intant Khaled Khaled Lawand se jqatta’ l-festi tal-Milied u tal-ewwel tas-sena f’pajjiżna. F’dawn il-ġranet ta’ festi, ħsibijietu qegħdin f’niesu fis-Sirja.
“Veru ħa nkun hawn fil-paċi imma mhux ħa nkun qed nieħu pjaċir. Minn ġewwa nħoss għal dawk in-nies li qed ibatu u jmutu kuljum u li m’għandhomx xi tip ta’ raġuni għal xiex jiċċelebraw.”