“Benny kien raġel mimli mħabba”. Hekk iddeskriva lil Benny Casha, l-arċipriet tal-Isla, Fr. Robin Camilleri, quddiem mijiet ta’ persuni li nġabru biex isellmulu għall-aħħar darba fil-kolleġjata bażilika Marija Bambina tal-Isla.
Waqt l-omelija Fr.Charles Cordina nnota li Benny għex ħajja mimlija u kien jagħti l-kontribut tiegħu f’kollox, u li qatt ma ħalla l-ħidma tiegħu tbiegħdu minn familtu.
Iċ-ċelebrant żied li Benny għandu jservi ta’ tagħmila biex inżommu lill-familja fil-qofol ta’ dak kollu li nagħmlu.
Kienu bosta l-membri tal-klabbs tal-futbol u tar-regatta fl-Isla – li tagħhom Benny serva bħala President għal xi żmien, li kmieni s-Sibt filgħodu wkoll sebħu fuq iz-zuntier biex jagħtuh l-aħħar tislima.
Is-Segretarju tal-klabb tar-Regatta tal-Isla, Omar Vella qal ma’ ONE News li fil-qofol tal-ħidma ta’ Benny dejjem kien hemm l-Isla – il-lokalità li fiha trabba u li kien iħobb b’imħabba kbira.
Vella qal li “Kien bniedem b’qalbu kbira u lill-Isla kien iħobbha ħafna. L-Isla inġenerali kien iħobbha ħafna. Aħna kellna l-fortuna li kien il-president tagħna u ma ninsew qatt dak kollu li għamel mal-klabb tagħna.”
Viżibbilment emozzjonat l-attur Pierre Bonello, stqarr li qisu tilef lil ħuħ, għaliex kien propju Benny li introduċieħ għad-dinja tad-drama.
Bonello qal li “Hu minn familja dilettanti jirreċtaw, u kien ħajjar lili u bdejna imbgħad hux, l-abbatini li konna konna nirreċtaw, imbgħad ftit ftit, pass pass kbirna. Imbgħad iffurmajna l-kumpanija.”
L-attriċi Doreen Cini rrakkontat memorja ħelwa li se tibqa’ tiftakar meta kienet qed taħdem fuq produzzjoni komika ma’ Benny.
Cini qalet “Kont irreċtajt miegħu darba, kienet konna kelli play, ma nistax niftakarha imma, xi ħaġa biċ-ċurkett u waqt il-play kien nesa ċ-ċurkett u tgħidx kemm konna dħakna.”
Wara ħajja msawra minn ħidma f’bosta setturi u li matulha ħalla impatt fuq bosta, l-attur Toni Vella stqarr illi bla dubju huwa meritat li Benny jistrieħ fis-Sliem.
Vella qal li “Kien imdaħħal f’ħafna affarijiet, għamel ħafna u ħafna ħidma mhux biss fir-raħal tiegħu imma madwar Malta kollha u issa naħseb jistħoqqlu jistrieħ hux hekk.”