Michela għadha kemm ħarġet bl-unuri, hekk kif temmet it-tieni prova tagħha f’Tel Aviv, l-Iżrael.
Waqt it-tieni prova, li b’mod evidenti deher titjib sostanzjali mill-ewwel prova, Michela uriet kunfidenza bla tarf fuq il-palk tal-Eurovision.
Filfatt deher tibdil fil-preżentazzjoni ta’ Michela hekk kif telaq screen forma ta’ kaxxa minn fuq il-palk u issa hemm grafika għaddejja.
Tibdil ta’ nota ieħor kien li hija libset ħwejjeġ bojod differenti, sa issa għadu mhux magħruf jekk dawn humiex il-ħwejjeġ propja tagħha għas-serata.
Anki ż-żeffiena issa libsu l-abjad flok ħwejjeġ ikkuluriti u dan jidher li sar bi ħsieb biex il-grafika kkulurita taħdem iżjed fuq ħwejjiġhom.
Bi preżentazzjoni kulurita ferm, il-kanzunetta ta’ Malta, Chameleon intlaqgħet ferm illum ukoll mill-ġurnalisti.
Filfatt minn dak li ONE News osserva minn ġos-sala stess, l-interpretazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ Michela hija sofistikata iżda fl-istess ħin sempliċi.
“Fuq il-palk qed jirnexxielha toħloq l-istess ambjent li kellha fil-vidjo mużikali”, qalilna wieħed mill-ġurnalisti barranin li qed jirrapporta dan il-festival f’Tel Aviv.
Iż-żeffiena jikkumplimentaw sew ma’ Michela u Destiny, li tinsab moħbija iżda qed tkanta fl-isfond tal-vuċi stupenda ta’ Michela qed tagħmel xogħolha sew.
Il-vuċi ta’ Michela spikkat ukoll u wara xi intoppi tekniċi żgħar li ġraw fl-ewwel prova, issa jidher li kollox huwa lest biex Michela terġa’ titla’ fuq dak il-palk nhar l-Erbgħa wara nofsinhar għall-ewwel prova ġenerali tagħha.
(qed inxandru biss żewġ minuti mill-prova b’rispett lejn ir-regolamenti tal-EBU)