46 sena ilu, dan ix-xiber t’art li kien għadu ma daqx it-tjubija li ġġib magħha il-prosperità ta’ pajjiż modern b’ekonomija stabbli ħareġ għonqu biex jgħin lil ħaddieħor.
Propju meta pajjiżna kien għadu kemm ra l-ewwel Gvern Laburista tas-sebgħinijiet jibda jaħdem biex iqajjem l-ekonomija, pajjiżna spiċċa fuq l-aħbarijiet internazzjonali.
Dak iż-żmien il-Gvern imexxi mill-Perit Duminku Mintoff kien ħa d-deċiżjoni kurraġġuża li jagħti ażil f’Malta lil numru ta’ Ażjatiċi li kienu tkeċċew mill-Uganda.
F’dan il-pajjiż Afrikan kien hemm numru ta’ Ażjatiċi li rabbew l-għeruq hemm hekk riżultat tal-ħidma kolonjali Ingliża.
Madankollu kif jispjega l-istoriku Mark Camilleri, bħal sajjetta fil-bnazzi l-President tal-Uganda Idi Kamin kien ordna li dawn l-Ażjatiċi jitkeċċew mill-pajjiż b’ta’ fuqhom senduqhom:
“Prattikament din kienet sitwazzjoni umanitarja għax dawn ir-refuġjati ma kellhomx prattikament fejn imorru, kellhom problema fejn ħa jiġu allokati u Malta dak iż-żmien Malta kienet aċċettat numru minnhom u filfatt ġew allokati Tigne Barracks dak iż-żmien. Kienet xi ħaġa ġdida għaliex dawn it-tip ta’ avvenimenti Malta ma kinitx tant kienet għadha esperjenzathom dak iż-żmien”.
B’Malta għadha ftit tas-snin ‘il bogħod mill-kisba tal-Ħelsien, hija xorta ħasset il-ħtieġa li kellha tagħti kenn lil għexieren ta’ Ażjatiċi.
Bosta storiċi jsostnu li b’dan il-ġest Mintoff stabilixxa lil Malta fid-dinja internazzjonali.
Dakinhar Malta kienet uriet ir-rieda li tgħin fi kwistjoni fejn lanqas ir-Renju Unit ma’ refa’ subgħaj iż-żgħir biex jgħin lil dawn Ażjatiċi li bosta minnhom kellhom ċittadinanza Ingliża minħabba li kienu ġejjin minn pajjiżi tal-Commonwealth.
Mark Camilleri spjega magħna li Mintoff kien stqarr li dawn il-persuni jittieħdu bil-patt li imbagħad imorru f’pajjiż ieħor tal-Commonwealth u filfatt il-maġġoranza tagħhom marru l-Kanada.
L-istoriku Mark Camilleri temm jgħid li dan kien att ta’ solidarjetà:
“Dak iż-żmien, Malta kien pajjiż pjuttost fqir. Kien għadu żmien meta Gvern Laburista kien qiegħed għadu qed jibni l-ekonomija biex jerġa’ jibda l-mutur ekonomiku ħalli jkun hawn ix-xogħol fil-pajjiż u għalhekk tista’ tgħid li dan kien att simboliku ta’ solidarjetà ta’ pajjiż li għadu qed jiżviluppa”.