Melvin Theuma ta’ wieħed u erbgħin sena minn Birkirkara ngħata l-maħfra presidenzjali sabiex jikxef dak kollu li jaf dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru ta’ sentejn ilu u reati oħrajn li kien involut fihom.
Fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li lill-President ta’ Malta ta l-maħfra kkundizzjonata lil Theuma fuq rakkomandazzjoni li għamillu wara li ħa l-parir tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. Dr Muscat qal li ħa dan il-pass importanti biex jissolva d-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dr Muscat stqarr: “Il-President għadu kemm infurmani li ħa l-parir tiegħi biex tingħata l-imunità, maħfra presidenzjali.”
Bis-saħħa ta’ din il-maħfra presidenzjali, l-investigaturi ngħataw l-iktar strument legali b’saħħtu li jeżisti fil-liġijiet Maltin biex toħroġ il-verità kollha dwar dan il-każ.
Theuma mistenni jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri li qed imexxi l-inkjesta b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-maħfra hija soġġetta għal numru ta’ kundizzjonijiet li jinħtieġu l-koperazzjoni sħiha ta’ Theuma biex toħrog il-verità fl-investigazzjonijiet u fil-Qorti.
Il-maħfra tista’ tiġi rtirata jekk Theuma ma josservax il-kundizzjonijiet tagħha f’liema każ ikunu jistgħu jittieħdu passi kontrih abbażi tal-informazzjoni li jagħti.
L-investigatturi ewlenin ilhom mit-Tlieta li għadda jitkellmu ma’ Theuma, meqjus bħala l-middleman f’dan l-omiċidju.
Huwa ġie arrestat ġimagħtejn ilu meta nqabad f’operazzjoni konġunta bejn il-pulizija Maltija u l-Europol dwar ċirku ta’ ħasil ta’ flus.
Fl-investigazzjonijiet, Theuma wera l-intenzjoni li jitkellem dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia wara talba formali għall-proklama permezz tal-avukati tagħha.
Fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru ffirma ittra li permezz tagħha kkommetta ruħu li jirrakkomanda l-maħfra presidenzjali bil-kundizzjoni li s-suspettat middleman jippreżenta evidenza li tkun ikkorraborata fil-Qorti dwar dan il-każ.
Matul il-ġimgħat li għaddew huwa għamel sigħat twal il-kwarieti ġenerali tal-pulizija fejn beda jiġi mitkellem mill-investigaturi ewlenin sabiex jagħti l-evidenza kollha tiegħu kemm fil-kaz ta’ qtil ta’ Caruana Galizia, u provi oħra li jistgħu jkunu kruċjali għall-pulizija biex isolvu każijiet oħra.
B’rabta ma’ dan il-każ, il-Pulizija arrestat ukoll lin-negozjant Yorgen Fenech b’suspett li seta’ kien hu li ordna l-qtil ta’ Caruana Galizia. Huwa ġie arrestat wara ġimgħat ta’ osservazzjoni.
Fenech għamel talba wkoll għall-maħfra presidenjzali.
Bl-avukat ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-investigaturi qegħdin jiddiskutu din it-talba.