Proposta ta’ żwieġ mhux tas-soltu hekk kif minn marċ tal-festa fil-Birgu inbidel fi proposta ta’ żwieġ bejn il-koppja Jonathan Scerri u Ritienne Gatt.
Filmat li ttella’ fuq il-midja soċjali juri grupp ta’ persuni miġbura quddiem il-Knisja għall-Festa ta’ San Duminku fil-Birgu fejn għall-ewwel jidher li bdiet tindaqq kanzunetta għal għeluq snin Ritienne. Iżda dan kollu inbidel hekk kif bdiet tindaqq il-kanzunetta sinonima mal-proposti ta’ żwiġijiet, Marry You ta’ Bruno Mars.
Mill-filmat wieħed jista’ jinduna, kif Ritienne anke bil-kanzunetta ta’ għeluq sninha kienet diġà eċitata iżda kif bdiet tindaqq il-kanzunetta l-oħra, l-eċitament irdoppja. B’diversi persuni li kienu qrib tagħha jaqbżu u jwerżqu bil-ferħ.
Minn hemm l-għarus Jonathan niżel għal ħdejn Ritienne fejn spiċċaw jiċċelebraw din il-proposta ta’ żwieġ merfugħin mill-folla.