Mara ta’ 69 sena mis-Swieqi tinsab fil-periklu tal-mewt wara ħabta frontali fix-Xemxija.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2:20 pm meta għal xi raġuni, l-anzjana li kienet qiegħda ssuq karozza tal-għamla Peugeot kellha inċident mal-parti ta’ wara tat-trailer, li kien qed jinstaq minn ġuvni ta’ 21 sena miż-Żurrieq, bil-konsegwenza li partijiet minn naħa ta’ quddiem tal-karozza fosthom il-bieba tax-xufier u l-pilastru baqgħu mwaħħlin mat-trailer.
Id-daqqa tant kienet kbira li l-karozza baqgħet titkaxkar għal madwar għoxrin metru sakemm waqfet ma’ ħajt ta’ għalqa.
Minnufih fuq il-post intalbet l-għajnuna ta’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li qattgħu partijiet mill-karozza sabiex ħarġu lil mara mill-karozza. Fuq il-post marru wkoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei li taw l-ewwel għajnuna medika lill-mara sakemm waslet l-isptar Mater Dei fejn ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi serji u tinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli li ordnat li ssir inkjesta u ħatret bosta esperi biex jgħinuha. Il-Pulizija mid-distrett tal-Qawra qed jinvestigaw dan l-inċident.