Kien sinjifikanti u importanti l-appoġġ unanimu tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għal mod kif Malta ħadmet fil-każ tal-MV Lifeline. Qal dan il- Prim Ministru Joseph Muscat, f’ intervista rrekordjata li xxandret fu ONE radio, ftit jiem wara li l-Mexxejja Ewropej iltaqgħu fi Brussell f’summit li ddiskuta l-immigrazzjoni.
“Ġinbnih bil-kliem u bl-iktar mod ċar kif ukoll fid-dettalji… li fil-fehma tiegħi huma iktar importanti,” qal Joseph Muscat li rrefera għal kummenti tal-President tal-Kunsill Ewropea li l-azzjoni tal-gvern Malti għandha appoġġ Ewropew.
Muscat spjega li fil-każ Lifeline “il- mument li setgħet tinqala kriżi umanitarja, jidħlu sett ġodda ta’ regoli u hemmhekk kien ikollna numru ta’ responsabbiltajiet.”
Fisser kif Malta setgħet daħlet bejn basla u qoxritha intortament minħabba l-aġir ta’ ħaddieħor.
Waqt il- laqgħa mmexxija mill- President tal- Kummissjoni Ewropea l-Ħadd li għadda Muscat kien diġa’ spjega lill-mexxejja Ewropea kif hu ma jistax iħalli sitwazzjoni bħal din tkompli teskala. Kawża ta’ dan wassal biex “għamilna dak li l-Unjoni Ewropea sal-lum ‘il ġurnata qatt ma rnexxielha tagħmel,” sostna l- Prim Ministru li fisser kif kien hemm sforz diplomatiku qawwi.
“Ġbarna madwarna grupp ta’ 9 pajjiżi li qalu aħna lesti niġbdu biċċa flimkien. Dan hu punt importanti,” kompla Muscat li fisser kif dan juri li fejn hemm ir-rieda politika lesti jerfgħu biċċa mill-piż.
Muscat faħħar esperti, tekniċi u’ l dawk kollha li b’xi mod kellhom x’jaqsmu f’dan ir-rigward biex setgħu jikkonvinċu l-‘counterparts’ ta’ Malta.
Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni preżenti tal- ‘MV Lifeline’ u konklużjonijiet oħra tal-Kunsill Ewropew, il- Prim Ministru saħaq kif “fil- konklużjonijiet tal- Kunsill Ewropew, hemm ċar u tond miktub illi l-vapuri kollha li joperaw fil- Mediterran għandhom isegwu r-regolamenti u ma jostakolawx il- coastguard Libjana.”
Wara l-infieq ta’ miljuni ta’ ewro mill- Unjoni Ewropea, il- ‘coastguard’ Libjana, fl-aħħar jiem salvat eluf ta’ persuni.
Joseph Muscat spjega wkoll kif “l-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni internazzjonali iċċertifikaw is-sistemi tal- awtoritajiet Libjani li jistgħu jieħdu ħsieb is-‘search and rescue area’ tagħhom.”
Lura għal MV Lifeline u d-deċiżjoni tal-gvern Malti li ma jidħlux bastimenti simili, b’ton ċar u tond, Muscat żied: “sakemm issir l-invesitgazzjoni, kellna nwaqqfu l-użu tal-port tagħna għal dawn l-organizzazzjonijiet milli jidħlu u ma nħallux vapuri simili joħorgu.”
Muscat temm jgħid, “filwaqt li hemm NGOs li jgħinu fis-salvataġġ, hemm NGOs li jmorru ħdejn il-Libja u jxandru fuq ‘social media’ li m’għandhomx x’jagħmlu. Emfasizza l-importanza ta’ regularizzazzjoni f’dan ir-rigward.
Il- Prim Ministru fisser li kwistonijiet bħal din tal-immigrazzjoni qatt ma jistgħu jiġu solvuti kompletament. “Min jaħseb li internazzjonalment, dan il-fenomenu tingħafas buttuna u jieqaf, ma jafx x’inhu jgħid,” temm jgħid Muscat li reġa’ għamel differenza bejn immigranti ekonomiċi u dawk li jixirqilhom l-ażil.