Plejers imbikkma, partitarji jitolbu u kommossjoni sħiħa fil-grawnd. Din kienet ix-xena waqt il-partita Atletico Madrid kontra Deportivo la Coruna lbieraħ filgħaxija. Dan wara li l-plejer Fernando Torres sofra dik li qed tiġi msejħa mill-klabb bħala traumatic brain injury, jiġifieri korriment trawmatiku tal-moħħ.
Dan wara azzjoni f’din il-partita, fejn il-plejer tat-tim Deportivo la Coruna għamel qabża biex jilħaq il-ballun, f’dan il-mument huwa weġġa’ lil Torres f’rashu. Hija normali li plejer iweġġa’ f’xi logħba futbol, iżda mhux normali li plejer iweġġa’ b’dan il-mod.
Mal-mument li Torres waqa’ mal-art fil-grawnd, il-plejers intebħu li dan kien każ serju ħafna filfatt jidhru jagħtu l-ewwel għajnuna lill-plejer minħabba l-biża li jibla’ lisenu. Plejers bħal Himenez, f’dan il-filmat jidhru mbikkma hekk kif irealizzaw dak li kien għaddej fil-mument li l-grawnd bħal donnu nbidel fi sptar.
B’xorti tajba Torres huwa stabbli u konxju iżda se jinżamm taħt l-osservazzjoni tal-isptar qabel isiru numru ta’ testijiet mediċi oħra tul il-ġurnata tal-lum.
Fuq twitter, huwa rringrazzja lil kulħadd tas-sapport tagħhom u spjega li fortunatament huwa mistenni jirritorna fil-grawnd fi ftit żmien u li m’għandux affarijiet serji. Il-partita spiċċat fi skor ta’ 1-1.
Muchas gracias a todos por preocuparos por mí y por vuestros mensajes de ánimo. Ha sido sólo un susto. Espero volver muy pronto!
— Fernando Torres (@Torres) March 2, 2017