Meta s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes mexxa l-ewwel laqgħa tal-Ministri tal-Agrikoltura fl-Unjoni Ewropea fil-bini l-ġdid tal-istess kunsill spikkaw il-protesti b’rabta mal-prezz tal-ħalib.
Biex nistgħu ngħidu li l-binja l-ġdida tal-Kunsill kellha “magħmudija tal-ħalib” għax spikkat ix-xena bajda ta’ 1,100 kilogramma ta’ trab tal-ħalib.
Liema trab twaddab mill-bdiewa bħala protest kontra l-biża li l-ħalib jibda jinbiegħ b’prezz orħos. Minn għaxar pajjiżi differenti, kienu madwar 100 il-bdiewa li fi Brussell protestaw kontra l-pjan tal-Unjoni Ewropea li tbiegħ tunnellati ta’ ħalib ta’ trab li xtrat fl-2015 u l-2016 bħala miżura t’emerġenza biex tgħin lill-bdiewa Ewropej.
Is-settur tal-argikoltura, speċjalment bdiewa li jipproduċu prodotti magħmula mill-ħalib, ġew affettwati ħażin mill-produzzjoni żejda u mid-deċiżjoni tar-Russja li ma timportax prodotti mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea minħabba t-tensjonijiet politiċi marbuta mal-kriżi fl-Ukraina.
F’kummenti ma’ one.com.mt is-Segretarju Parlamentari Galdes qal li ltaqa’ ma’ dak magħruf bħala l-milk board fil-kariga tiegħu ta’ president tal-kunsill qabel il-laqgħa tal-kunsill.
Din il-protesta żgur li ġibdet l-attenzjoni, hekk kif dawk li kienu għaddejjin miż-żona spiċċaw miksija trab tal-ħalib li twaddab minn crane. Tgħid kien hemm min ħaseb li dan it-trab kien xi ħaġa oħra? Minjaf, li hu ċert li t-tindif ħa sigħat twal.