Wara l-eċitament u t-tensjoni matul l-eżamijiet tal-o-levels u waqt l-istennija għar-riżultati issa l-istudenti għandhom quddiemhom deċiżjoni importanti – dik li se tiddetermina fejn se jkomplu l-istudji tagħhom. Deċiżjoni li llum ġew aktar infurmati dwarha fl-Università ta’ Malta hekk kif saru sessjonijiet ta’ tagħrif għal studenti prospettivi tal-Junior College.
Iżda l-għalliema u l-amministrazzjoni ta’ Junior College ma kinitx waħedha biex tagħti informazzjoni dwar il-ħajja studenteska f’dan il-Kulleġġ hekk kif kien hemm ukoll numru kbir ta’ studenti oħra. Studenti li llum qed jgħaddu l-esperjenza pożittiva tagħhom lil studenti ġodda li għadhom se jibdew it-tranżizzjoni minn skola sekondarja għal dik post sekondarja. Tranżizzjoni li f’kummenti ma’ ONE NEWS spjegaw x’jaħsbu dwarha għadd ta’ studenti.
F’dan il-filmat smajna ukoll x’kellhom xi jgħidu dawk l-istudenti li llum waqt li kienu qed jgħinu lil studenti oħra biex jiddeċiedu dwar il-pass li jmiss f’ħajjithom huma ukoll ħadu aħbar sabiħa, hekk kif irċivew riżultati pożittivi tal-ewwel sena tagħhom fil-Junior College.