Matul is-sena li għaddiet, fl-Isptar Mater Dei saru aktar minn 170,000 x-ray.
Il-maġġoranza tagħhom, kważi 80,000, saru fid-Dipartiment tal-Emerġenza, filwaqt li aktar minn 34,000 kienu CT Scans.
Intant, dawn kienu uħud mit-testijiet li saru fuq il-pazjenti fl-Isptar Mater Dei:
MAMMOGRAMS 3,537
ANGIOGRAMS 3,788
PET CT 4,793
CT SCAN 34,450
X-RAYS 47,126
A&E X-RAYS 78,424
Fil-jum li timmarka l-123 sena mindu ġiet skoperta l-magna tal-x-ray, tkellimna ma’ Ray Spiteri, li jmexxi d-Dipartiment tal-Medical Imaging fl-Isptar Mater Dei.
Ħadna lura għas-seklu 19, meta fiżiċista Ġermaniż kien qed jesperimenta fuq ir-raġġi u tant kemm ma kienx jaf x’inhuma li smemihom raġġi X.
Illum, aktar minn 120 sena wara, ġew żviluppati magni li bihom it-tabib jista’ jara lill-pazjent minn barra u minn ġewwa.
Is-Sur Spiteri spjega li hemm diversi magni ta’ x-rays, kollha jagħtu spjegazzjoni aktar dettaljata tal-patoloġija tal-pazjent:
“Il-pazjent ġeneralment ikun qed iħoss xi ħaġa, jista’ jkun uġigħ u jista’ jkun le, imur għand it-tabib tiegħu li jeżaminah u jibagħtu għandna għall-X-Ray. Jiġi għall-X-Ray, it-tabib tagħna jeħodlu X-Ray, jagħti r-riżultat u minn hemmhekk ikompli t-trattament”.
Riżultat ta’ x-ray jista’ juri affarijiet bħall-kundizzjonijiet ta’ mard u ksur; iżda f’ċertu każi affarijiet ferm aktar serji.
Spjega x’jiġri f’każ meta pazjent li jkun involut f’inċident tat-traffiku, jidħol l-Emerġenza:
“It-tabib jordnalu CT Scan, jinżel fid-Dipartiment tagħna, nagħmlu CT Scan, u wara t-tabib tal-X-Ray jagħti r-riżultat. Ikun hemm is-surgeon lest jistenna dak ir-riżultat, jara jkunx hemm xi bleeding, jitla mal-ewwel it-theatre l-pazjent u jiġi operat minnufih”.
Is-Sur Spiteri nnota li mija u għoxrin sena ilu, x-ray ta’ parti żgħira mill-ġisem kien jittieħed b’tubu u kien jieħu 20 minuta, iżda llum l-x-rays saru mezz indispensabbli għat-tobba biex ikunu jistgħu jikkuraw lill-pazjenti tagħhom:
“Jien niftakar fil-passat li biex tagħmel brain scan kien idum 20 minuta, illum anqas minn għaxar sekondi. Biex tagħmel whole body scan, jiġifieri thorax, abdomen u pelvis, 30 sekonda”.
Biex f’120 sena mindu ġiet skoperta magna li biddlet għalkollox il-wiċċ tad-dinja medika, saru żviluppi b’tali mod li huma ta’ benefiċċju mhux biss għall-pazjent, li sar ibati ferm inqas, iżda wkoll għall-professjonisti.