Owen Portelli, huwa żagħżugħ ta’ sittax-il sena li xtaq jaqsam l-istorja tiegħu bħala gradwat riċenti tal-Alternative Learning Programme. Huwa esprima kif dan il-programm għenu biex jasal fejn wasal illum u spjega l-importanza tiegħu. Owen qasam l-esperjenza tiegħu fil-Jum Dinji tal-Ħiliet taż-Żgħażagħ.
F’dan il-jum il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartoli kellu ukoll messaġġ x’jgħaddi:
Skont il-Ġnus Magħquda, illum il-ġurnata żagħżugħ għandu probabbiltà ta’ tliet darbiet aktar li jkun qiegħed minn dak adult. Iż-żgħażagħ madwar id-dinja huma meqjusa bħala l-ewwel vittmi tal-ekonomija speċjalment meta ma tkunx għaddejja minn żmien tajjeb, kif ukoll jiffaċċjaw sfidi ta’ inugwaljanza fuq il-post tax-xogħol. B’differenza mill-pajjiżi ġirien Mediterranji, Malta ma titkellimx biex toffri liż-żgħażagħ tagħna xogħol bażiku. Lil hinn minn dan, iż-żgħażagħ tagħna għandhom opportunitajiet varji biex jingħaqdu fi programmi edukattivi sabiex jiksbu l-ħiliet meħtieġa. Aħna nħarsu lejn kif nistgħu ntejbu s-sistema edukattiva tagħna biex ninkludu lil dawk li qegħdin lura u biex intejbu l-livell ta’ impjieg taż-żgħażagħ permezz ta’ miżuri ta’ titjib biex jiżdiedu fil-ħiliet li hemm bżonn.
Il-livell tal-qgħad tagħna jista’ jkun fost l-aktar baxx fl-Ewropa, iżda għad fadal ħafna xi jsir. Għalkemm is-sistema edukattiva għadha xi ftit riġida, aħna qed inkomplu naħdmu bla waqfien biex inwessgħu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna. Hu ta’ inkoraġġiment meta nara r-riżultati tal-MATSEC bħal dawk li ħarġu lbieraħ, b’89.1% tal-istudenti li qagħdu għall-eżami vokazzjonali SEC kisbu grad tajjeb.
Mhux żmienu li nirrifjutaw iż-żgħażagħ tagħna ghax ma jagħmilx sens fuq l-aspett uman, lanqas dak ekonomiku u dak soċjali. Għaldaqstant fil-Jum Dinji tal-Ħiliet taż-Żgħażagħ, ejjew niċċelebraw id-differenzi fiż-żgħażagħ tagħna f’dak li huma differenzi fl-ideat, fil-kapaċità u fl-aspirazzjonijiet. Dawn id-differenzi jippreżentaw responsabbiltà dejjem akbar minna bħala edukaturi, biex noffru programmi aħjar u aktar varjati li jinvolvu liż-żgħażagħ.
F’dan il-jum nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li kontinwament jikkontribwixxu u jaħdmu sabiex il-ġenerazzjoni li jmiss tkompli ttejjeb fuq dak li għamilna s’issa. Għal dawk li jaħdmu wara l-kwinti – l-għalliema, l-LSAs u l-konsulenti b’mod speċjali dawk li jagħtu l-isforz żejjed li jgħinu liż-żgħażagħ tagħna, kif ukoll lil dawk li ma jarawx ‘tfal problematiċi’ quddiemhom iżda persuni li jeħtieġu l-għajnuna. Minn qalbi nirringrazzjak għax-xogħol siewi tiegħek.