L-impenn tal-Gvern biex jippjana bil-quddiem u jaħseb għall-ġenerazzjonijiet futuri qed iwassal biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum tal-Maltin u l-Għawdxin.
Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat meta t-Tnejn waranofsinhar indirizza konferenza f’Pariġi li ddiskutiet kif it-teknoloġija tista’ ssaħħaħ il-ħidma tal-Gvernijiet.
Il-Prim Ministru esprima l-gratitudni lejn il-Gvern Franċiż hekk kif pajjiżna kien wieħed mill-ftit li kienu mistednin għal din il-konferenza msejħa GovTech:
“Il-punt prinċipali kien minħabba l-iżviluppi li għamilna fost l-oħrajn dwar il-qasam tal-blockchain fl-aħħar żmien u li qed jiġbed interess nazzjonali”.
Il-ħsieb wara l-messaġġ tal-Prim Ministru kien li l-iżviluppi li qed iseħħu fit-teknoloġija mhumhiex biss relatati mas-servizzi finanzjarji, iżda jgħinu wkoll fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-miżinformazzjoni. Kwistjoni li fi kliemu thedded id-demokrazija:
“Permezz tat-teknoloġija, wieħed jista’ jipprova jara kif problema li mhux maħluqa mill-magni, hija maħluqa min-nies għax min jivvinta l-informazzjoni huma nies li jużaw it-teknoloġija, li nikkumbattu dan kollu permezz ta’ teknoloġija oħra”.
Aktar kmieni, il-Prim Ministru Malti iltaqa’ mal-President Franċiż Emanuel Macron, fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Antonio Guterres u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għas-Suq Diġitali Andrus Ansip.
L-impenji tal-Prim Ministru għall-bidu tal-ġimgħa ma waqfux f’Pariġi, hekk kif issa jinsab Palermo fi Sqallija fejn it-Tlieta se jieħu sehem f’summit dwar is-sitwazzjoni fil-Libja.