Tlestew l-aħħar tħejjijiet sabiex l-Airbus A320neo ġdid fjamant b’180 seat jingħaqad mal-flotta tal-Air Malta biż-żewġ kaptani jkunu Għawdxin. Dan l-ajruplan il-ġdid ġie rreġistrat fuq-Reġistru Malti tal-Avjazzjoni bħala 9H-NEO kif xieraq. L-Air Malta hija l-21 linja tal-ajru madwar id-dinja li ser ittajjar din il-ġenerazzjoni ġdida ta’ A320 b’magni CFM.
Wara li ħareġ mil-linja ta’ produzzjoni, l-A320neo bħalissa jinsab f’Shannon fl-Irlanda fejn inżebagħ bl-ilwien ferm attraenti tal-kumpanija. Il-proċess taż-żebgħa jeħtieġ għarfien espert u kompetenza kbira sabiex id-diversi saffi tad-disinni jiġu applikati fuq il-qafas minn tim imħarreġ ta’ speċjalisti u tekniċi taż-żebgħa permezz ta’ stensils, maskri u gradi u saffi differenti ta’ żebgħa.
Apparti mill-livery ikkulurita tal-linja tal-ajru, l-ajruplan ġie wkoll iddekorat b’karattri tal-kartuns biex jippromwovi in-Nickelodeon Treasure Hunt li se jsir fil-gżejjer bejn it-13 u t-18 ta’ April 2019. Is-sħubija mal-ġganti tal-media, Viacom, se tara ġimgħa ta’ attivitajiet ta’ Nickelodeon madwar il-gżejjer, inkluż parata ta’ karattri, kif ukoll kaċċa għat-teżor u workshops għat-tfal.
Iċ-Chairman tal-Air Malta, Dr Charles Mangion, qal, “In-NEO jipprovdi effiċjenza u prestazzjoni ambjentali unika bis-saħħa ta’ ajrudinamika tal-ogħla livell u magni tal-ġenerazzjoni l-ġdida. Fuq titjira bejn Malta u Heathrow f’Londra, il-linja tal-ajru se tiffranka sa 1.3 tunnellati ta’ fjuwil għal kull vjaġġ, tnaqqas 6,200 tunnellata ta’ CO2 fis-sena u tnaqqis ta’ 24% ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal kull seat. Il-kabina hija ddisinjata bl-aħħar karatteristiċi li joffru aktar spazju u kumdità u l-ajruplan jipproduċi wkoll impronta ta’ ħoss li hija 50% inqas minn dik tal-A320ceo. L-ajruplan il-ġdid se joffri lill-mistednin tal-Air Malta aktar kumdità u esperjenza mtejba bħala klijenti. Mhux ta’ b’xejn li l-A320 huwa l-aktar ajruplan ta’ ġenerazzjoni waħda li jinbiegħ.”
Ritratt: Konrad Scicluna