Fil-komunità żgħira tal-Baħrija l-Prim Ministru xorta ngħata merħba kbira. Fl-24 jum tal-kampanja, l-Mexxej laburista spjega li din iż-żjara lil din il-komunità kienet waħda simbolika. Dan għaliex sa ftit snin ilu f’din il-komunità lanqas kien hemm servizz tad-drenaġġ.
Il-Mexxej Laburista qal li lanqas biss wieħed jimmaġina li wara s-sena 2000 ikun għad fadal komunitajiet li ma jkollhomx sistema ta’ drenaġġ bħal bqija tal-pajjiż. Kien Gvern Laburista li permezz ta’ fondi li ġab għaqqad lil din il-komunità żgħira fis-sistema li tintuża fil-bqija tal-pajjiż.
Il-Prim Ministru tenna li Gvern Laburista jaħdem għall-komunitajiet kollha inkluż dawk żgħar. Fiż-żjara tiegħu l-Mexxej Laburista spjega ukoll miżuri oħra li se jkun qed iwettaq Gvern Laburista għal din il-komunità, fosthom li tingħata t-tarmak il-Hill Climb tal-Imtaħleb mhux biss għad-dilettanti tal-karozzi iżda anke biex il-ħajja tal-bdiewa tkun aktar faċli.