Mhux waħda, mhux tnejn iżda erba’ ‘yeses’. It-tweġiba tal-membri tal-ġurija tal-X Factor tar-Renju Unit għall-kantanta żagħżugħa Maltija Gaia Cauchi.
Dan ifisser li issa, b’mod uffiċjali, Gaia għamlitha għall-fażi li jmiss t’X Factor.
F’kummenti ma’ ONE News, Gaia esprimiet il-ferħ li ħasset meta semgħet l-erba’ ‘yeses’.
Spjegat li “Il-ħolma tiegħi dejjem kienet li xi darba nkanta quddiem Simon Cowell, dik diġà saret realtà, imma x’ħin qaluli l-erba’ yeses tibda tħoss li qas inti fuq il-palk u jkollok bżonn lil xi ħadd joqorsok.”
Bil-kanzunetta Only Love Can Hurt Like This, Gaia paxxiet il-widna tal-ġurija magħmula minn Simon Cowell, Ayda Field, Robbie Williams u Louis Tomlinson.
B’leħinha mhux biss saħħret lill-ġurija iżda rebħet il-qlub tal-udjenza.
Kemm Ayda Field kif ukoll Louis Tomlinson faħħru t-talent ta’ Gaia iżda kien Simon Cowell li ta l-ewwel ‘yes’ tiegħu.
Dan hekk kif minkejja li ssoltu huwa l-aktar ġurija diffiċli biex tintogħġob miegħu, din id-darba kien hu li witta t-triq għal Gaia fil-fażi li jmiss.
Gaia rrakkontat x’kienu l-kummenti ta’ Simon Cowell.
Hi qalet li “Simon Cowell qalli li se jkun hu li jgħidli li jien kapaċi nagħmilha ‘l quddiem fl-industrija tal-mużika bħala solo artist. Qalli wkoll li jara fijja lill-kantanta Camila Cabello, artista famuża ħafna li kien Cowell li ħa ħsiebha.”
Dan il-pass hu wieħed importanti fil-karriera ta’ kull kantant, hekk kif permezz ta’ din il-kompetizzjoni, il-kantanti jagħtu wirja quddiem eluf kbar ta’ telespettaturi minn madwar id-dinja.
Tul l-14-il serje kienu bosta parteċipanti li rebħu din il-kompetizzjoni u kisbu fama mondjali, fosthom Leona Lewis, Olly Murs, Jedward, Little Mix u One Direction.
Lura fl-2013 Gaia kienet rebħet il-Junior Eurovision f’isem Malta – rebħa li kienet ġabet Malta għall-ewwel darba il-Junior Eurovision. Ftit snin qabel Gaia kienet ukoll ħadet sehem fis-serje Taljana Ti Lascio Una Canzone fejn sena wara kienet rebħet Sanremo Junior Music Festival.