Tmenin immigrant inżammu arrestati fil-faċilita korettiva ta’ kordin wara l-irvellijiet li għamlu fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.
Mat-tokki ta’ nofsinhar, it-80 immigrant ta’ diversi nazzjonalitajiet, dehru ħerġin mill-vann, immanettjati flimkien ħamsa ħamsa, u skortati minn bosta uffiċjali tal-pulizija lejn l-awla tal-Qorti quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke.
L-ewwel ma tressqu quddiem il-Maġistrat kienu tlett immigranti mic-Chad, li kienu huma r-raġuni li b’għemilhom qajmu l-irvellijiet tal-Ħadd, wara li riedu jidħlu fiċ-ċentru tard billejl u kienu fis-sakra, kontra r-regolamenti taċ-ċentru miftuħ.
Abdalla Muhammed Abdalla ta’ 20 sena, filwaqt li t-tnejn l-oħra, li isimhom ma jistax jixxandar, għandhom 17-il sena inzammu arrestati.
Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi li inġurjaw, heddew żewġ pulizija u ħaddiem tal-AWAS. Kienu akkużati wkoll li kisru l-paċi pubbliku, qalu kliem oxxen, kienu fis-sakra u li ma obdewx l-ordnijiet.
80 immigranti oħra, ġew mixlija li kienu l-perċimess u li ħolqu rvell sħiħ f’Ħal Far.
L-immigranti Al Hassin Issa Al Amin, 21, miċ-Chad, Zakria Mohammed, 19 mill-Car, Yusef Mutasin mis-Sudan, Ibrahim Ali, 20 mis-Sudan, Hammad Abubaida, 22 mis-Sudan u Ibrahim Bahar mis-Sudan, Oboke Cletus Chikadibia, 20 from Niġerja u żagħażugħ ta’ 16-il sena miċ-Chad.
Huma wieġbu mhux ħatja li qajmu irvell sħiħ u nżammu arrestati.
Minħabba l-ammont kbir ta’ immigranti li kellhom jitressqu l-Qorti, l-amministrazzjoni tal-Qorti kellha tagħmel preparamenti loġistiċi, f’awla 22, u anki ssib interpetu sabiex jgħin fil-komunikazzjoni waqt il-proċess.
Taħt preżenza qawwija ta’ uffiċjali tal-pulizija kemm barra l-bini tal-Qorti kif ukoll ġewwa, l-immigranti tqassmu fi gruppi ta’ għoxrin għoxrin, sabiex jidhru quddiem il-ġustizzja wara l-irvellijiet li pparteċipaw fihom.
Għada se jitressaq grupp ta’ 24 immigrant oħra il-Qorti akkużati bl-istess reati relatati mal-inċident ta’ Ħal Far.