Hija daqqa kull darba, li koppji oħra mingħajr sforz ikollhom l-ulied, u aħna darba wara l-oħra, u sittax-il elf ewro wara, aħna, bħal ħafna koppji oħra bħalna, għadna qed nippruvaw.
Din hi l-esperjenza ta’ raġel li flimkien ma’ martu ilhom għal dawn l-aħħar sentejn jippruvaw ikollhom it-tfal, u wara li pruvaw bis-servizzi tal-IVF f’Malta, kienu kostretti jmorru lil hinn minn xtutna. Dan għax f’pajjiżna l-liġijiet huma restrittivi wisq, fosthom dwar l-iffriżar tal-embrijuni.
“Hija xi ħaġa li isma, ħaddieħor qed jirnexxilu, u inti you have to go through hell almost to get to something ifhem. Tgħaddi minn ħafna u ħafna u ħafna testijiet u proċeduri, teħid tad-demm, lanqas naf x’naqbad ngħidlek iżjed.”
Spjegalna l-emozzjonijiet li għaddew minnhom bħala koppja, fil-bidu meta saru bil-problema, u ma’ kull tentattiv li jfalli.
“Għaliex jien, ħafna rabja. Ħafna konfużjoni. U mbagħad tibda tfittex is-sitwazzjoni u r-raġunijiet. Kull darba tkun għalina, issue kbira, li ppruvajt tagħmel xi ħaġa u ma rnexxilekx. Din ċans li ħa jibdillek ħajtek. Xi ħaġa li se tibdillek ħajtek.”
Qal li fl-ewwel tentattiv barra minn xtutna kellhom 15-il ċans….ħmistax-il bajda ffertilizzata, u minkejja li l-embrijun impjantat jidher li kien b’saħħtu, kien kollu ta’ xejn. Dik li sejjaħ: daqqa ta’ ħarta.
“B’dispjacir fallitilna. Qiegħdin nistennew cycle ieħor, qiegħdin f’nofsu u nerġgħu nitilgħu.”
Huwa qal li diġà telgħu erba’/ħames darbiet. Spjegalna kif dan spiċċa ħadilhom ħafna mill-ħin ta’ mistrieħ tagħhom.
“Jiena dis-sena ma ħadt leave xejn ħlief biex immur għal dawn l-affarijiet.”
Għaldaqstant stqarr illi kieku dan is-servizz jingħata f’Malta, għalkemm xorta diffiċli, ikun ferm iktar faċli.
“Jiġifieri jekk isir hawn Malta inti tistà taqbad tgħid isma, ħadt 2 – 3 days leave u mexxejt minn hemm. Imma s-sitwazzjoni issa Malta, mhux ħażina imma it can be improved so much more, just the beginning.”
Il-psikologa Donia Scicluna, fundatriċi ta’ Fertility Support Services qal li l-infertilità hi kundizzjoni komuni u medika bħall-oħrajn.
Qalet li hemm ideat żbaljati dwar l-IVF, fosthom dwar l-embrijuni li jintremew.
“Jien kelli koppji li kellha 17. Lanqas waħda ma ffertilizzat. Kellha 10 – 2 biss iffertilizzaw. I’m talking fertilizzaw, jiġifieri l-process għamluh kollu. Imutu mewta naturali li ssir anke fil-ġisem, jiġifieri mhux imbilli ngħidu hemm barra ħafna affarijiet li mhumiex fir-realtà.”
Innutat il-piż psikoloġiku fuq dawn il-koppji. Fosthom minn ħbieb u membri tal-familja li joqogħdu jistaqsuhom meta se jkollhom tarbija.
“Dawn jgħaddu mill-mewt tat-tfal tagħhom xahar wara xahar. Qegħdin nagħmlu stigma. Mela sewwa jien fi żmieni 24 sena ilu ma kelli stigma ta’ xejn, ma kontx niddejjaq ngħid x’għamilt. Illum jibżgħu jiftħu ħalqhom.”