Jidher li l-aggressur daħal fid-dar ta’ Abela fi Triq il-Ġiżi qabel il-vittma wasal minn lejl barra. Il-wiċċ tas-suspettat ma kienx mgħotti iżda l-kwalità tal-filmati tac-CCTV camera qed jagħmluha diffiċli biex huwa jiġi ddentifikat. Għadu mhux stabbilit jekk is-suspettat daħalx fid-dar bil-mixi jew użax il-vettura tiegħu biex jidħol fir-residenza tal-vittma. Dan skont informazzjoni pubblikata mit-Times of Malta.
In-negozjant mis-Swieqi instab mejjet f’għadira demm wara li qala’ numru ta’ daqqiet ta’ sikkina. Huwa nstab għarwien imkebbeb f’liżar, b’idejh u saqajh marbuta fis-sodda u ħalqu magħluq bit-tape. Kienet is-sieħba tiegħu Irina Alexandrovna Micallef li daħlet fid-dar t’Abela u sabet quddiemha din ix-xena makabra. B’xokk fuqha hija rrapurtat lil pulizija b’dak li rat. Irina ġiet interrogata mill-Pulizija hekk kif il-Pulizija hija interessata fil-ħajja personali tal-vittma.
Huwa mifhum li David Abela kien għamel rapport lill-Pulizija dwar każ ta’ vjolenza domestika. L-investigaturi qed jeskludu, li n-negozjant inqatel b’rabta man-negozji tiegħu jew ma serq.
Il-vittma huwa missier ta’ erba’ t’itfal. Tlieta mill-ewwel żwieġ u wild ieħor minn sieħba oħra. Abela kien negozjant fil-qasam tal-ivvjaġġar. Filfatt kien sid tal-kumpanija 21st Century Travel u 21st Century Limousine.
Din tal-aħħar kienet tikri karozzi lussużi. Abela kien ukoll direttur tal-kumpanija Aviaserve Ltd. Minkejja li l-vittma ma kienx persuna magħrufa mal-pulizija, erba’ snin ilu, fil-Qorti, ma kienx nstab ħati li kkaġuna l-qtil involontarju t’anzjana ta’ ħamsa u sebgħin sena. Fl-2006 huwa kien qed isuq b’lura l-karozza tiegħu f’San Ġiljan meta mara ntlaqtet mill-karozza. Dan huwa t-tielet qtil ta’ din is-sena.