Dan il-filmat juri l-mument li raġel prova jaħtaf tifla minn ħanut fil-preżenza ta’ ommha. Dan juri kif anke meta t-tfal ikunu mal-ġenituri xorta waħda jibqa’ r-riskju li t-tfal jinħatfu minn xi stranġier. F’dan il-każ, l-omm ħalliet it-tifla tagħha ftit ‘il bogħod minnha biswit il-bieb tal-entratura u fi ftit sekondi kienet se tiġi maħtufa.
Dawn il-każijiet jiġru kuljum madwar id-dinja u mhux dejjem il-ġenituri jew dak li jieħdu ħsieb it-tfal jirnexxilhom jintebħu b’dak li kien ġara fi ftit sekondi u jsalvaw it-tfal tagħhom, b’ħafna mill-każijiet, it-tfal ma jinstabux.
Filfatt kull sena fl-UE jiġu rrappurtati neqsin 250,000 tifel u tifla. F’76% tal-każijiet ta’ tfal li jinħatfu u jinqatlu, il-qtil iseħħ f’temp ta’ tliet sigħat minn mindu jsir il-ħtif.
Fl-ewwel nofs tal-2017 Malta se tibda tuża s-sistema AMBER Alert li se tippermetti lill-Pulizija tagħmel użu minn arranġament strutturat u effiċjenti biex tgħarraf lill-pubbliku meta jkun hemm il-biża’ li tfal maħtufin jew neqsin ikunu f’periklu imminenti. B’hekk, in-nies se tkun f’pożizzjoni aħjar biex tgħin lill-Pulizija sabiex tfal neqsin li jkunu f’riskju serju u imminenti jinstabu malajr kemm jista’ jkun.