Muka Begtash, l-Albaniż ta’ 27 sena, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li hedded uffiċjal pubbliku, li daħal bla permess fil-barracks ta’ Ħal Safi u li kien fil-pussess ta’ droga kokaina.Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Omar Zammit u Melvyn Camilleri xliet lil Muka li l-Ħadd waranonfishar daħal bla permess fil-barracks ta’ Ħal Safi bil-ħsieb li jagħmel reat.
Muka ġie arrestat il-Ħadd f’Ħal Safi wara li pprova jaqbeż f’żona ristretta tal-Ajruport. Madankollu t-tentattiv sfaxxa malli ra lis-suldati. Kien hawn li ħarab jiġri u qabeż għall-Barracks tal-Armata.
Muka huwa s-suspettat ewlieni b’rabta mas-serqa minn ħanut ta’ ‘Diamonds International’ f’Tignè f’Ottubru tas-sena li għaddiet.
Huwa kien qed jinżamm arrestat fl-Isptar Mater Dei wara li ġarrab ġrieħi ħfief u nstab li allegatament kien taħt l-effett ta’ dorga.
Fil-Qorti huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. Id-difiża mmexxija mill-Avukat Marita Pace Dimech ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.