Żewġ żgħażagħ Maltin kellhom esperjenza rari u li żgur mhu se jinsewha qatt meta waqt li kienu qegħdin iduru bil-jet ski ‘l barra minn Wied iż-Żurrieq, lemħu kelb il-baħar ta’ madwar 12-il pied idur madwarhom.
Fl-aħħar sigħat Elian Mallia tella’ filmat tal-kelb il-baħar idur madwaru waqt li kien bil-jet ski. Il-kelb il-baħar kaħlani deher idur madwarhom għal diversi minuti biż-żgħażagħ jazzardaw imorru qrib tiegħu bil-għan li jkunu jistgħu jġibuh mill-viċin.
Ikkuntattjat minn ONE NEWS Elian qalilna li nzertaw il-kelb il-baħar waqt li kienu se jmorru lura l-art wara li żaru l-gżira ta’ Filfa, meta f’ħin ma’ waqt ħadu l-qatgħa ta’ ħajjithom meta raw ix-xewka tad-dahar tal-kelb il-baħar f’wiċċ l-ilma. Qal li kien hawn li resqu fil-qrib tiegħu u nnotaw li l-kelb il-baħar deher mans u tahom il-ħin kollu li kellhom bżonn biex joħorġu l-mobile u jieħdu filmat u r-ritratti tiegħu.
B’reazzjoni għal dan il-filmat, sajjied b’esperjenza kbira fuq il-baħar qal ma’ one news li dawn l-ispeċi ta’ klieb il-baħar rari jintlemħu qrib il-gżejjer Maltin. Madankollu stqarr li dawn kapaċi jgħumu f’distanzi twal ħafna u jgħixu sa għoxrin sena.