Il-Pulizija qalet li raġel ta’ 41 sena ġie arrestat fir-residenza tiegħu f’Chelsea, l-Ingilterra wara li huwa suspettat li kkawża ġrieħi serji lil mara. Dan b’rabta mal-filmat li ddomina l-midja soċjali li juri raġel li kien qed jiġri fuq Putney Bridge, f’Londra, jimbotta mara għal quddiem karozza tal-linja bla ebda raġuni.
L-arrest sar wara li ġie ppubblikat filmat CCTV ta’ dan il-każ li jurui lil mara ta’ 33 sena tittajjar minn xarabank li kien għaddej minn dan il-bridge fil-mument li ġara l-każ. Il-mara setgħet indarbet ferm aktar gravi iżda b’xorti tajba s-sewwieq intebaħ b’dak li kien ġara.
Ir-raġel instab wara li l-Pulizija rċeviet ħafna messaġġi b’informazzjoni dwar l-identità tiegħu.
L-inċident seħħ nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Mejju iżda kien biss fl-aħħar jiem li l-Pulizija ppubblikat il-filmat li kien miġbud minn kameras CCTV. Dan wara li kienet għadha għaddejja bi tfittxija għar-raġel.
B’xorti tajba l-mara sofriet ġrieħi ħfief. Wara dan il-każ, ir-raġel li imbotta lil mara mar lura fuq il-post iżda totalment injoraha lil mara.