Iddaħħlu f’Malta id-49 immigrant, fosthom nisa u tfal, wara li kienu maqbuda bejn sema u ilma.
Kien proprju aktar kmieni llum waqt konferenza tal-aħbarijiet li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar kif wara taħdidiet mal-Kummissjoni Ewropea, intlaħaq qbil li dawn l-immigranti li jinsabu fuq żewġ bastimenti, is-Sea Watch 3 u l-Albrecht Penck, se jkunu qed jitqassmu bejn tmien pajjiżi.
Fost dawn il-pajjiżi nsibu l-Ġermanja, Franza, il-Portugall, l-Irlanda, ir-Rumanija, il-Lussemburgu, l-Olanda u l-Italja.
Il-Prim Ministru qal li l-Kummissjoni Ewropea qablet li Malta ma kellhiex ir-responsabbilità legali għat-tfittxija u s-salvataġġ ta’ dawn iż-żewġ każijiet.
Qal li fuq dan il-prinċipju, tmien pajjiżi ewropej qablu li jieħdu l-immigranti fuq is-Sea Wathch. Qal li matul id-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropew dwar din il-kriżi, Malta salvat 249 immigrant li ħajjtihom kienet fil-periklu. Qal li dawn il-missjonijiet seħħu f’ibħra li Malta kienet responsabbli għalihom. Qal li l-gvern argumenta li ma jagħmilx sens li l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà jiġi applikat biss f’każ fejn jingħalqu l-portijiet u membri stati li qed jaqdu d-doveri tagħhom jiġu injorati.
Għalhekk qal li b’sinjal ta’ rieda tajba, 131 immigranti se jiġu rrilokati. Qal li l-isforzi ta’ Malta qegħdin jiġu nnotati mill-Unjoni Ewropea u mill-membri tagħha. Aktar minn hekk qal li l-UE se tibgħat l-esperti tagħha biex jintbagħtu lura 44 immigrant ieħor mill-Bangladesh li kienu parti mill-grupp tal-249 immigrant li ġew salvati mill-Armata.
Dan ifisser li mill-249 immgirant li waslu f’Malta fl-aħħar jiem u 49 fuq iż-żewġ vapuri tal-NGOs, madwar 220 immigrant se jiġu rrilokati f’pajjiżi oħra Ewropej jew jiġu rripatrijati lejn pajjiżhom.