Il-Parlament approva b’mod unanimu l-emendi fil-liġijiet elettorali l-ġodda li se jidħlu fis-seħħ b’effett immedjat fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali f’Mejju li ġej.
L-għan tal-emendi hu li tiddaħħal fis-seħħ sistema ta’ għadd ta’ voti elettronika fl-elezzjonijiet kollha. Il-Kamra qablet ukoll b’mod unanimu li f’Mejju li ġej, qabel jibda l-għadd ta’ voti b’mod elettroniku, isir proċess manwali li jassigura l-integrità tas-sistema elettorali.
Intant, it-Tnejn li ġej il-Kummissjoni Elettorali tippubblika r-writ tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali tal-25 ta’ Mejju li ġej.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt qal li ftit wara l-pubblikazzjoni tar-writ, il-Kummissjoni Elettorali tippubblika r-reġistru Elettorali ta’ dawk eleġibbli għall-vot.
Gatt qal “Fih ikun jinkludi persuni li għalqu s-16 sal-24 ta’ Mejju li ġej, il-persuni li se jagħmlu t-tibdil fl-indirizz sas-Sibt li ġej. Dawn ic-‘changes’ kollha jiġu inklużi f’dan ir-reġistru elettorali msejjaħ ‘rolling register’. Fuq dan ir-reġistru jiġu stampati d-dokumenti tal-vot”.
Appella lill-votanti biex jiċċekjaw li d-dettalji tagħhom qegħdin fuq ir-reġistru u huma korretti.
Spjega kif “Jekk Le, ovvjament wieħed għandu dritt li jagħmel rikors elettorali sabiex jinkludi ismu f’dan ir-reġistru. Aħna bħala Partit Laburista nagħtu għajnuna sabiex wieħed ikun jista jagħmel dan ir-rikors elettorali.”
Is-Sur Gatt avża li kull min għandu d-dritt tal-vot jew xi diffikultà dwar il-proċess elettorali jikkuntatja lill-Uffiċju Elettorali tal-Partit Laburista fuq il-Freephone 80072257.
L-Istampar tad-dokumenti tal-vot ser jibda l-ġimgħa d-dieħla u għall-ewwel darba, ir-ritratt tal-votanti se jkun bil-kulur fuq id-dokument tal-vot.
Qal li “It-tqassim tad-dokumenti tal-vot se jkun qed jibda fit-23 ta’ April u jibqa sejjer sal-5 ta’ Mejju, issu ħmistax il-ġurnata. It-tqassim se jsir mill-Pulizija. Tajjeb ngħid li se jkun hemm żewġ dokumenti tal-vot b’kulur differenti tal-Kunsilli Lokali u l-Parlament Ewropew”
Bħal f’kull elezzjoni se jerġgħu jsiru arranġamenti għal dawk li jgħixu barra minn Malta sabiex jiġu jeżerċittaw id-dritt tal-vot. Kull minn jixtieq juża dan is-servizz għandu jibgħat email fuq flights@partitlaburista.org
Intant in-nominazzjonijiet tal-kandidati kemm tal-Kunsilli Lokali u kemm tal-Parlament Ewropew se jinfetħu bejn is-16 u t-22 ta’ April li ġej.