Mill-bidu tas-sena sa nofs Ġunju, is-Sezzjoni tal-Infurzar Marittimu ta’ Transport Malta, wettqet aktar minn mitejn u sebgħin spezzjoni fuq dgħajjes fil-bajjiet.
Fl-istess perjodu, inħarġu erbatax-il twissija, wieħed u sebgħin akkuża amministrattiva, u ħamsa u tmenin kontravenzjoni.
Għalkemm in-numru ta’ dgħajjes fuq il-baħar huwa ferm inqas mill-karozzi fit-toroq, ir-regoli għas-sewqan, jgħoddu għall-opri tal-baħar daqskemm jgħoddu għall-karozzi fuq l-art.
F’xemx taqli l-ankri f’jum tipiku sajfi, ONE News għamel nofstanar idur il-bajjiet fejn segwa mill-qrib l-ispezzjonijiet minn din it-taqsima ta’ Transport Malta.
Fil-bajja ta’ Blue Lagoon f’Kemmuna, il-koordinatur mit-Taqsima tal-Infurzar Marittimu Rudolph Muscat, spjega li l-maġġoranza tal-ispezzjonijiet isiru għall-għarrieda.
“Dejjem nistaqsu għal certificate of registration biex naraw li d-dgħajsa tkun reġistrata kif suppost, u l-polza tal-assigurazzjoni. Nistaqsu wkoll għal-liċenja nawtika, il-kompetenza ta’ dak li jkun li jista’ jsuq id-dgħajsa. Mainly naraw dawk l-affarijiet.”
L-uffiċjali jistaqsu wkoll dwar għodda ta’ salvataġġ, u oġġetti li jipproteġu lill-bniedem fil-baħar u fix-xemx.
“Xi ħaġa banali ġieli nistaqsu dwar sunscreen. Li bniedem għamel ġurnata fuq il-baħar u ma jkollux sunscreen, jew naraw id-dgħajsa mingħajr tinda. Dawn immorru tajjeb ħafna fihom insibu li kulħadd ikollu life jackets, ftit hawn min jissogra għax fuq il-baħar mhux karozza, jekk jiġrilek xi ħaġa trid tkun lucky biex issib lil xi ħadd isalvak.”
Minkejja li dejjem jisħqu li kulħadd iżomm miegħu id-dokumenti meħtieġa, Muscat stqarr li fl-ispezzjonijiet jiltaqgħu ma’ ħafna li ma jkollhomx il-liċenzja fuqhom.
“Niltaqgħu ma’ dgħajjes li min qed isuqhom mhux liċenzjati, jew inkella bir-reġistrazzjoni skaduta jew lanqas biss tkun reġistrata d-dgħajsa.”
F’ġimgħa li matulha seħħew żewġ inċidenti fuq il-baħar li ħallew żewġt irġiel fil-periklu tal-mewt, l-uffiċjal ta’ Transport Malta appella għall-attenzjoni.
Qal li fatturi differenti li jistgħu jikkawżaw inċident huma n-nuqqas t’attenzjoni, negliġenza, nuqqas ta’ esperjenza jew sewqan taħt l-effett tal-alkoħol jew sustanzi oħra.
“Nappella li kulħadd jiċċekkja n-notice to mariners qabel ma joħroġ fuq il-baħar jiċċekkja jekk hemmx avviżi tal-baħħara per eżempju llum kien hemm is-suldati jisparaw Pembroke dik hemmhekk toħroġ avviż tal-baħħara fejn tgħidlek kemm mili trid taqla’ ’l barra. Ir-riskji huma kbar għax jekk tgħaddi minn hemm u ma jindunawx bik, tista’ tweġġa’, tista’ tkun fatali.”
Temm jappella biex kulħadd isegwi dawn l-istruzzjonijiet, bil-għan li kemm jista’ jkun, jum ta’ divertiment jew xogħol fuq il-baħar, ma jinbidilx f’diżgrazzja.