Il-Korp tal-Pulizija nieda servizz ta’ komunikazzjoni ġdid permezz tal-facebook messenger bil-għan li l-pubbliku jirrapporta kull xorta ta’ każijiet jew jitlob għall-għajnuna tal-Pulizija.
Permezz ta’ dan is-servizz ġdid, il-pubbliku jista’ jibgħat sempiċi messaġġ fuq il-paġna uffiċjali tal-korp tal-Pulizija. Dan wara bidla li saret fl-aħħar jiem, fejn il-paġna issa qed tiġi ssorveljata minn taqsima ġdida fil-korp.
Ma’ One News, l-Ispettur David Bugeja spjega li issa l-pubbliku għandu mezz ieħor kif jista’ jagħmel kuntatt mal-Pulizija minbarra n-numru telefoniku tal-112 u l-119 jew li jmur f’xi għassa tal-pulizija.
Qal li “s-sistema tal-‘messenger’ li dak li jkun jista’ jaċċessa billi jidħol fil-paġna ta’ ‘The Malta Police Force’ u minn hemmhekk ikun hemm buttuna biex inti tagħfas ‘send message’ u jdaħħlek fil-‘messenger’ normali li ħafna mdorrijin bih. Dik is-sistema issa qed tiġi ‘monitored’ 24/7 mill-istess nies li qed jieħdu l-‘calls’ tal-112 jew 119.”
Spjega li Qabel il-messaġġi kienu jiġu segwiti biss mit-taqsima tar-relazzjonijiet pubbliċi u l-midja, u għalhekk ma kellhiex is-setgha li twieġeb b’mod immedjat.
“Fil-‘Control Room’ jirċievu nformazzjoni u mill-ewwel jibgħatu lill-Pulizija konċernati fuq il-post, eżempju l-RIU, traffic jew distrett u għalhekk neħejna l-‘man in the middle’. Qed nirċievu nformazzjoni fil-‘Control Room’ u qed tgħaddi mall-ewwel lill-Pulizija fit-triq.”
L-Ispettur Bugeja qal li fl-ewwel jiem mindu tniedha is-servizz, diġa qed jużawh ammont kbir ta’ nies li qed jirrappurtaw kull xorta ta’ każijiet b’mod aktar komdu.
“Forsi qed jiġi nnuttat bniedem li qed iħuf f’ċertu akkwati, qed ikun hemm ħafna nies li jaraw hekk u jibgħatulna ritratt għall-investigazzjonijiet preliminari. Jista jkun affarijiet fuq tat-traffiku, eżempju karozzi pparkjati b’mod irregolari jew għamlet xi manuvra mhux f’posta. Jibgħatulna wkoll każijiet ta’ ċertu portata eżempju inċidenti tat-traffiku. Dak li jkun jibgħatilna ritratt, u aħna qed nirċievu l-informazzjoni ta’ x’hemm bżonn u nibgħatu.”
L-Ispettur Bugeja, saħaq li kull messaġġ li qed jasal għand il-Pulizija fuq il-paġna tagħha qed jiġi pproċessat bl-aktar mod kunfidenzjali u l-persuna tista’ tibqa’ anonima.