Maċ-ċafċifa tal-mewġ hekk kif jaħbat mal-blat flimkien mal-ħsejjes tal-bidwi jaħdem art Maltija flimkien mas-silenzju fuq ix-xatt hekk kif is-sajjied jipprepara għas-sajda tiegħu. Dawn huma ftit mix-xeni ta’ filmat li tpoġġa fuq il-midja soċjali u li dwaru kkummentaw kemm il-Maltin kif ukoll il-barranin ilkoll imsaħħra minn filmati li juru numru ta’ siti l-ġmiel tagħhom f’pajjiżna.
Mad-daqqa tal-mużika u x-xeni tal-baħar Malti flimkien mat-togħma tal-kampanja bħal donnok f’xi pajjiż ta’ ħolm, dan il-filmat huwa wieħed mill-isbaħ u li jara lil Malti minn lenti ta’ għasfur li jittajjar fuq gżiritna hekk kif dan il-filmat ittieħed permezz ta’ drone.
Il-filmat jiġbor fih uħud mis-snajja Maltin li xi kultant nonqsu milli niftakru fl-importanza tagħhom u kemm dawn ituna identita Maltija. Id-Direttur diġitali ta’ dan il-filmat, Oliver Astrologo, irnexxielu jiġbor is-sbuħija ta’ Malta u jiżvela s-sempliċita tal-Maltin. Filmat li jġiegħlek tapprezza l-identitá tiegħek, bħala Malti, u tħossok kburi li tgħix f’Malta – pajjiż deskritt mill-bosta bħala wieħed mill-isbaħ fl-Ewropa.