Il-bidu ta’ sena ġdida tradizzjonalment iġib miegħu id-drawwa tar-riżoluzzjonijiet. Proponiment li nibdew xi ħaġa ġdida, li naqtgħu xi vizzju jew xi tip ta’ tibdila fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Imma n-nies x’riżoluzzjonijiet qedgħin jagħmlu? Dawk li tkellimna magħhom, waħda mill-iżjed riżoluzzjonijiet popolari kienet dik li jitnaqqas il-konsum eċċessiv tal-ikel.
Kien hemm oħrajn li għalkemm ma semmewx direttament l-ikel, saħħithom kienet ta’ prijorità fir-riżoluzzjoni tagħhom.
Iltqajna wkoll ma’ nies li għalkemm ma għamlux riżoluzzjoni speċifika, jittamaw li jkollhom sena aħjar minn dik li għaddiet u li jkollom is-saħħa.
Aħna u nitkellmu ma nies, sibna diversi persuni li iżjed milli għamlu riżoluzzjoni fuqhom, esprimew it-tama tagħhom li bħala poplu, ninsew dak li jifridna u niffukaw iżjed fuq dak li jgħaqqadna, u iktar minn hekk li tirrenja l-imħabba u l-kumpassjoni.
Ma setax jonqos li niltaqgħu ma dawk li minkejja kollox, jirrifjutaw li jagħmlu riżoluzzjonijiet.