“Dan huwa l-passatemp tiegħi. Niġi hawn niżvoga.” Dan saħqu l-artist Justin Bonnici waqt li kien fuq sellum jagħti l-aħħar ftit daqqiet bir-roller fuq il-mural, jew aħjar pittura kbira fuq ħajt li ħaditlu madwar għaxar sigħat.
Iltqajna ma’ Justin fis-sit ta’ dik li kienet il-lukanda Jerma. Sibnih ipinġi xbieha ta’ kelb iħares lura bi tħassib lejn l-inġenji tal-kostruzzjoni li qed jibnu l-madwar b’nuqqas ta’ attenzjoni.
Bonnici qal li “Dan xtaqt ngħaddi naqra messaġġ li tipo li ma’aħniex napprezzaw in-natura u qegħdin inkissruha u kif qed tara għandek il-wolf qed iħares lura u qed jara l-habitat tiegħu jispiċċa għal dejjem u nemmen li xi darba kollox artifiċjali ħa jsir jekk nibqgħu sejrin hekk.”
Justin stqarr li barra minn malta, muralisti jitħallsu għall-arti tagħhom u jiġu apprezzati mill-għajn ta’ mijiet iżda jistqarr li f’Malta jkollu jaħdem fil-konfini u jirriskja li xogħlu jiġi vvandalizzat bħalma ġieli ġara.
Minkejja dan, Bonnici saħaq li kemm-il darba sab numru ta’ ammiraturi warajh attenti għal kull daqqa li jagħti bir-roller jew bi spray.
Qal li “Kulħadd jieħu pjaċir kieku japprezzaw iżjed u sservi iżjed ukoll għax hawnhekk taqla’ l-maltempati, iż-żebgħa l-bażi ma tantx hi b’saħħitha iġifieri ma tantx iddum, titqaxxar biż-żmien.”
Bonnici jispjega li l-murali għandhom teknika differenti u m’għandux ir-riżorsi t-tajbin biex jagħmel dan ix-xogħol b’iktar reqqa u dettall.
Spjega kif “Meta niġi biex forsi nieħu permess biex forsi ma naħlihiex ġo post hekk, biċċa xogħol hekk, ma tantx jagħtu kasi nispiċċa allura nsib post hekk naqra perikoluż biex tidħol u ngħaddi siegħa żmien.”
Bla dubju l-arti kreattiva ta’ Jusitn qed tagħti ftit kulur u ħajja lil din il-binja li tinsab fi stat komplet ta’ diġenerazzjoni.